Il-poplu Malti jaf li pajjiżna għandu tmexxija li tieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex il-pajjiż jibqa’ miexi ’l quddiem; tmexxija li tifhem il-ħtiġijiet tan-nies.
Dan intqal mill-Prim Ministru u Mexxej Laburista, Robert Abela, waqt intervista fuq l-istazzjonijiet ONE, il-Ħadd filgħodu mal-ġurnalist ta’ ONE News, Stefan Bajada.
Il-Prim Ministru qal li pajjiżna se jibqa’ miexi ’l quddiem hekk kif il-Gvern qed ikompli jagħti s-serħan il-moħħ lill-familji u lin-negozji filwaqt li jiffaċilita t-tibdil tal-aspirazzjonijiet tan-nies f’realtà.
Il-Prim Ministru sostna li jekk pajjiżna jaġixxi bħala poplu wieħed, l-isfidi jistgħu jiġu indirizzati.
Qal, “Sfidi ħa niltaqgħu magħhom dejjem, qed ngħixu perjodu li minkejja n-normalità mill-pandemija, xorta għandu d-diffikultajiet partikolari tiegħu, anki b’dak li qed jiġri barra minn xtutna bil-gwerra. Dan huwa mument ta’ sfidi li mhumiex żgħar, iżda huma sfidi li kollettivament, bħala poplu wieħed, nistgħu nindirizzawhom u nistgħu nindirizzawhom b’mod li nibqgħu mmexxu lil dan il-pajjiż li tant ilkoll kemm aħna nħobbu, imexxuhom ’il quddiem. Dan nistgħu nagħmluh, iżda jekk nibqgħu naħdmu flimkien kollettivament, nidentifikaw l-isfidi x’inhuma, u noffru s-soluzzjonijiet u r-rimedji għalihom.”
Dr Abela qal li l-attitudni ta’ Gvern Laburista li qatt ma jemmen li wasal u li dejjem jibqa impenjat ikompli jwettaq jwasslet għar-riżultati tajbin u biex jinħarġu diversi rapporti pożittivi dwar l-ekonomija tagħna, fosthom tal-Kummissjoni Ewropea u tal-aġenziji tal-klassifikazzjoni tal-kreditu Fitch Ratings, u Moody’s. Mhux hekk kien il-każ fi żmien il-gvern Nazzjonalista qabel l-2013, meta kien ħaseb li kien għamel biżżejjed, u konsegwentement l-ekonomija staġnat u marret lura. Sostna li l-ekonomija ta’ pajjiżna se tkompli tikber u se tisboq il-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-investiment tal-Bank Malti tal-Iżvilupp, li tħabbar din il-ġimgħa, hekk kif ġew introdotti żewġ skemi ta’ €180 miljun li se jkunu ta’ bażi soda għall-bidliet li hemm bżonn isiru fl-ekonomija tagħna.
Qal, “Setturi li jimirħu dwar l-innovazzjoni, setturi fejn qed nitkellmu dwar id-diġilitazzjoni, setturi li jittrattaw id-dekarbonizzazzjoni ta’ pajjiżna, setturi illi jiffukaw fuq il-preservazzjoni aħjar tal-ambjent tagħna, u hawnhekk fejn dan il-bank għandu l-funzjoni ewlenija illi jkun ta’ katalista biex jgħin lil dan it-tip ta’ negozji.”
Il-Mexxej Laburista semma wkoll il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista, bit-tema ‘Fiduċja f’Pajjiżna’, li tlaqqgħet il-ġimgħa l-oħra. Dr Abela saħaq li l-Partit Laburista jibqa’ miftuħ għall-ideat ta’ kulħadd sabiex pajjiżna jibqa’ miexi ’l quddiem.
Qal, “Qegħdin hemmhekk, bħala partit, miftuħin biex nisimgħu dawn l-ideat. Ressqu dawn l-ideat ’il quddiem, ejja npoġġu madwar mejda, ejja niddiskutuhom, ejja niddiskutuwhom lil hinn mill-polarizzazzjoni politika, mill-partiġġjaniżmu. Jekk hemm idea tajba, inpoġġu madwar medja, niddiskutuha, u nemmen li b’dan il-mod li nistgħu flimkien infasslu l-ġejjieni aħjar ta’ pajjiżna.”