Black Friday, il-jum sinonimu ma’ xiri u skontijiet, kien wieħed ta’ suċċess kbir. Minn kmieni filgħodu tal-Ġimgħa, għexieren ta’ persuni marru fil-ħwienet madwar il-pajjiż sabiex jibbenefikaw minn skontijiet speċjali.
B’hekk, wara l-pandemija, dan il-jum qed jerġa’ jkun wieħed mistenni ferm mill-konsumaturi u sidien tan-negozji, tant li wħud mill-ħwienet estendew l-offerti tagħhom għal tmiem il-ġimgħa sħiħ, u oħrajn saħansitra għal dan ix-xahar kollu kemm hu.
L-għada ta’ Black Friday, stqarrija mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji wriet kif ġie nnutat entużjażmu liema bħalu mill-konsumaturi, li lkoll kienu ħerqana biex jibdew jixtru r-rigali tal-Milied għal qrabathom.
Dan is-sentiment esprimietu l-Kap Eżekuttiv tal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji, Abigail Agius Mamo, li ma’ dan l-istazzjon stqarret kif in-numru kbir ta’ persuni fil-ħwienet madwar Malta u Għawdex ġab sodisfazzjon kbir, u huwa xhieda ta’ rkupru b’saħħtu għall-ekonomija Maltija.
Fost l-oħrajn, hija spjegat li f’dan iż-żmien raw andament b’saħħtu ħafna l-ħwienet tal-prodotti elettroniċi u anke dawk tal-moda.
Agius Mamo stqarret li, minkejja domanda b’saħħitha fil-ħwienet, kien hemm ukoll interess fix-xiri online, b’mod speċjali permezz ta’ pjattaforma mnedija mill-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji aktar kmieni dan ix-xahar.
Hija qalet, “Kellna moviment kbir fuqha, kellna ħafna konsumaturi kif ukoll ħafna negozji.”
Xi ħaġa partikolari li ġiet osservata f’dan iż-żmien ukoll kienet li l-konsumaturi bdew jonfqu b’mod aktar kawt.
Agius Mamo stqarret li fattur ewlieni wara dan huwa l-inflazzjoni li bħalissa qed taħkem madwar id-dinja, iżda dan ma waqqafx lill-konsumaturi f’pajjiżna milli jagħmlu x-xirjiet tagħhom.
Stqarret, “Tisma’ ħafna fuq l-inflazzjoni u fuq il-gwerra. Akkont, in-nies xorta jridu jgawdu l-festi, iridu jixtru r-rigali, iridu jixtru affarjiet għalihom infushom, li aħna narawha bħala xi ħaġa pożittiva.”
Hija stqarret li bħalissa d-dinja għaddejja minn żmien kumpless, iżda l-konsumaturi f’pajjiżna xorta waħda kienu kapaċi jmorru lura fil-ħwienet b’mod fiżiku wara sentejn ta’ pandemija.
Qalet li l-istess xejra hija mistennija aktar kemm jidħol Diċembru, u għalhekk ikompli x-xiri tar-rigali għal żmien il-Milied.
Hija tennet tgħid, “Qegħdin nistennew Milied li se jkun tajjeb, Milied li se jkun ta’ suċċess, Milied li se nerġgħu naraw in-nies jirritornaw għal dak li kienu qabel il-pandemija li hija xi ħaġa sabiħa ħafna.”