Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, żdiedu kemm id-dħul kif ukoll in-nefqa tal-Gvern.
id-dħul tal-Gvern kien jgħodd għal iżjed minn erba’ biljun u ħames mitt miljun ewro.
Dan ħareġ minn ċifri ppubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, li wrew li kien hemm żieda ta’ kważi nofs biljun ewro.
Dan id-dħul rikurrenti żdied fuq is-sena ta’ qabel, anki minħabba li hawn aktar nies jaħdmu u l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja.
L-akbar żieda fid-dħul tal-Gvern kienet ġejja mit-taxxa tad-dħul, hekk kif il-Gvern daħħal aktar minn biljun u sitt mitt miljun ewro.
Mill-ħlas tal-bolla, il-Gvern daħħal ftit aktar minn biljun ewro.
Minn din l-istatistika tal-NSO ħareġ li, bejn Jannar u Ottubru ta’ din is-sena, in-nefqa rikkurrenti żdiedet meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.
Din in-nefqa tinkludi kważi €181 miljun aktar biex iżżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli, aktar minn €47 miljun aktar fi ħlasijiet biex jistimulaw l-ekonomija, żieda ta’ kważi €42 miljun fil-benefiċċji soċjali, u żieda ta’ kważi €13-il miljun għall-istabbilizzazzjoni tal-prezz tal-gass.