Raġel ta’ 42 sena li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti ngħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li kkorrompa iben is-sieħba tiegħu.
L-avukati tiegħu qed jgħidu li din hija gidba mill-eks raġel tas-sieħba, li jiġi missier it-tifel.
Il-Qorti semgħet lid-difiża fejn qalu li l-akkużat għandu żewġt itfal apparti l-allegat vittma. Semmew li r-rapport tal-FSWS li stħarreġ dawn l-akkużi, m’għamel l-ebda rakkomandazzjoni dwar il-każ.
Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għall-ħelsien mill-arrest minħabba l-biża’ għal intraċċ tal-provi. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit ordnat il-ħelsien mill-arrest jekk it-tifel jkun barra d-dar tal-akkużat.
Hija ordnat li t-tifel jinġabar mill-iskola issa stess u jittieħed id-dar mill-missier filwaqt li ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.
L-akkużat ingħata l-ħelsien mill-arrest b’depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €10,0000 u bil-kundizzjoni li jiffirma l-għassa tal-pulizija kuljum.