Numru ta’ bliet madwar l-Ewropa qed jillimitaw id-dwal li se jixegħlu tul il-perjodu tal-Milied, minħabba ż-żieda enormi fil-kontijiet tal-enerġija minħabba l-invażjoni Russa tal-Ukrajna.
Is-sit tal-aħbarijiet Bloomberg għamel referenza għal diversi bliet madwar l-Ewropa li qed jaffaċċjaw pressjoni kbira fil-provistà tagħhom minħabba l-kriżi tal-enerġija.
Fost l-oħrajn, issemmew il-belt kapitali tar-Renju Unit, Londra, hekk kif id-dwal famużi f’Oxford Street se jkunu qed jinxtegħlu biss għal tmien sigħat kuljum.
Fost ibliet oħra li se jkunu qed inaqqsu d-dawl festiv tagħhom hemm Dublin, Stokkolma u Liżbona.
Barra minn hekk, ir-residenti qed jintalbu jnaqqsu l-konsum tal-ilma u anki l-qawwa tat-tisħin tad-djar tagħhom.
Studju li sar riċentament bassar li dan it-tnaqqis fid-dawl dekorattiv se jaffettwa b’mod negattiv il-bejgħ tul żmien il-Milied.
Is-Sindku tal-belt kapitali Franċiża, Pariġi, ipproponiet li d-dwal fuq it-torri Eiffel jibdew jintfew siegħa aktar kmieni mis-soltu.
Dan filwaqt li fil-villaġġ ta’ Livigno, fl-Italja, ġie deċiż li minflok jintefqu l-fondi fuq dwal, il-flus se jingħataw lill-familji fiż-żona lim’humiex ilaħħqu mal-ħajja minħabba l-kriżi.
Intant, fil-kapitali tal-Gappun, Tokjo, il-Gvern qiegħed iħeġġeġ lin-nies biex jilbsu flokkijiet bl-għenuq twal li jgħattu l-għonq biex jibqgħu sħan u anke jnaqqsu l-konsum tal-enerġija għat-tisħin.
Il-gvernatur ta’ Tokjo, Yuriko Koike, qalet li l-flokkijiet turtleneck jistgħu jgħinu biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija fit-temperaturi baxxi li tax-xitwa Ġappuniża.
Ritratt: Maja Smiejowska/Reuters