Fi Stadium 974 ta’ Doha, minn Grupp H, il-Portugall għelbu lil Ghana bl-iskor ta’ 3-2.
Cristiano Ronaldo fetaħ l-iskor minn penalty fil-65 minuta u sar l-ewwel plejer li skorja f’ħames edizzjonijiet tat-Tazza tad-Dinja.
Il-gowl ta’ Ronaldo qajjem lit-tim tal-Ghana u fit-72 minuta Andre Ayew għamel l-iskor indaqs. Dan kien l-ewwel gowl skurjat minn pajjiż Afrikan f’din l-edizzjoni.
Fit-78 minuta, Jao Felix irdoppja l-iskor wara li rċieva tajjeb mingħand Bruno Fernandes.
Minuta biss wara, is-sostitut Rafael Leao wera l-kapaċitajiet tiegħu, fejn bi ġmiel ta’ ballun imdawar għamilhom 3-1.
Fit-88 minuta is-sostitut l-ieħor, din id-darba tal-Ghana, Osman Bukari ħa vantaġġ mill-fatt li ma kienx miżmum tajjeb u għeleb lill-gowlkiper Portugiż.
Wara għaxar minuti ta’ ħin miżjud, bil-Portugiżi li kienu se jirregalaw il-gowl tad-draw, il-logħba ntemmet Portugall 3 Ghana 2.
Illejla fit-20:00, minn Grupp Ġ, il-Brażil jilagħbu kontra s-Serbja.
Ritratt: Reuters.