Fil-jiem li ġejjin fil-Parlament se jkun qed jitressaq abbozz ta’ liġi għad-dibattitu u l-approvazzjoni biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika.
Din il-liġi se tkun qed tistabbilixxi kunċett ġdid b’rabta mal-vjolenza domestika abbażi tal-ġeneru. Permezz tiegħu, persuna se tkun tista’ ssir taf jekk is-sieħeb jew is-sieħba tagħha jkunux qatt instabu ħatja ta’ vjolenza domestika.
Ħabbret dan is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza, Rebecca Buttigieg, waqt it-tnedija tas-sittax-il jum ta’ kampanja nazzjonali kontra l-vjolenza domestika abbażi tal-ġeneru, bit-tema “Il-Vjolenza Domestika hi Affari ta’ Kulħadd”.
Buttigieg spjegat lipersuna se tkun tista’ tmur għand il-Victim Support Unit tal-Pulizija bit-talba tagħha. Wara li jsir proċess ta’ verifikazzjoni dwar il-każ, wieħed se jkun jista’ jara jekk is-sieħeb jew sieħba tiegħu tkunx imniżżla.
Qalet li dan hu pass ieħor ’il quddiem, bl-għan ewlieni jkun li, kif jgħid il-Malti, bniedem avżat huwa nofsu armat. Għalhekk, din il-liġi se tkun qed tiffaċilità aktar il-proċess biex persuna tkun tista’ mhux biss tidentifika l-problema imma anke toħroġ minn relazzjoni abbużiva.
Qalet kif, “Dan ser ikun qed joħloq kunċett ġdid fil-liġijiet tagħna fosthom li se nkunu qed noħorġu twissija lil dak li jkun f’riskju u jkun f’relazzjoni ma’ mara jew ma’ raġel, li għandu passat ta’ vjolenza domestika fil-kondotta tiegħu. Ġifieri l-proċess se jkun qed jaħdem biex nagħtu l-informazzjoni kollha li teżisti biex dak li jkun jieħu deċiżjoni fl-interess tas-saħħa u s-sigurtà tiegħu ”
Min-naħa tagħha mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, saħqet fuq kif il-vjolenza domestika tista’ tolqot lil kulħadd. Għamlet referenza għall-qtil li seħħ din il-ġimgħa, li fih inħasdet il-ħajja ta’ Bernice Cassar, mara u omm ta’ żewġt itfal. Sostniet li l-ebda kliem ma jista’ jikkonsla lill-familja tal-vittma u għalhekk illum, aktar minn qatt qabel, irridu nkunu b’vuċi waħda u messaġġ b’saħħtu: dak li l-vjolenza domestika hi affari ta’ kulħadd.
Dr Lydia Abela rrimarkat li rigwad suġġett sensittiv bħal dak tal-vjolenza domestika, tagħmel kemm tagħmel qatt mhu biżżejjed u sostniet li b’mod kollettiv ma rridux inħallu persuni jbatu fis-silenzju u għalhekk jeħtieġ l-aqwa għajnuna possibbli.
Qalet, “Kampanja favur il-kuxjenza tal-vjolenza domestika hi importanti ħafna għaliex importanti li nkomplu nedukaw liċ-ċittadini u lis-soċjetà li vjolenza fuq mara, qatt u qatt m’hi aċċettabbli.”
Il-Kummissarju dwar il-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika, Audrey Friggieri, saħqet dwar l-importanza li tinħoloq xibka ta’ protezzjoni. Hija spjegat li irridu naraw kif nistgħu nsaħħu aktar is-sistema biex nipproteġu lil kulħadd.
Hija affermat l-importanza tal-messaġġ wara t-tema tal-kampanja, u spjegat li kulħadd għandu d-dover li jieħu ħsieb lil xulxin.
Qalet, “It-tema magħżula għas-sittax-il jum ta’ attiviżmu għal din is-sena huwa proprju “Il-Vjolenza Domestika Hi Affari ta’ Kulħadd”, għax tolqotna lkoll kemm aħna. Meta jsir att abbużiv jew vjolenti mhux il-vittma biss tintlaqat iżda iċ-ċirku kollu ta’ madwarha, l-għeżież tagħha, kollegi ħbieb, familjari, ulied – kulħadd huwa implikat.”