Iċ-Ċentru tat-Tennis f’Pembroke huwa faċilità state-of-the-art; it-tieni l-akbar waħda f’pajjiżna.
Bħalissa, għaddej b’ritmu mgħaġġel ix-xogħol fuq din il-faċilità; xogħol li se tgħin lill-atleti jitħarrġu aħjar filwaqt li jitkabbar it-turiżmu sportiv f’Malta.
L-investiment fiċ-Ċentru tat-Tennis f’Pembroke huwa wieħed li l-gvern qed jagħti bħala assistenza lill-Malta Tennis Federation, li qed tmexxi dan il-proġett bil-għajnuna ta’ SportMalta, taħt il-Facility Upgrade Scheme.
Waqt żjara fis-sit, il-President tal-Malta Tennis Federation, David Farrugia Sacco, qal li l-federazzjoni ilha s-snin taħdem biex il-faċilità tgħolli l-livell tagħha sabiex dawn l-isportivi jiġu megħjuna sa minn età żgħira.
Min-naħa tiegħu, Andrew Decelis, iċ-Chairperson ta’ SportMalta, stqarr li permezz ta’ dan il-proġett l-atleti professjonali u dawk dilettanti issa se jkunu jistgħu jipprattikaw l-isport f’ambjent aħjar.
Mark Cutajar, il-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, qal li l-proġett huwa parti importanti mill-istrateġija nazzjonali għall-isport, u se jgħin biex jogħla l-profil tal-isport kollu fil-pajjiż.
“L-investiment li sar fl-isport f’dawn l-aħħar snin hu bla preċedent. Mhux talli sar investiment biss, imma sar investiment studjat. Rajna kif nistgħu nkabbru l-faċilitajiet sportivi, rajna kif nistgħu ngħinu b’għajnuna teknika.”
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li hemm bżonn li jiġu sostnuti t-tkabbir u l-investiment li diġà saru fl-atleti Maltin sabiex pajjiżna jibqa’ jikseb suċċess f’diversi setturi.
“Li jkollna faċilitajiet u infrastruttura tal-ogħla livell, imma fuq kollox li nkunu qed nagħtu l-għodda lill-popolazzjoni sportiva tagħna sabiex tkompli tikber, tiżviluppa u, fuq kollox, ikun hemm dak l-investiment neċessarju fl-atleti żgħażagħ tagħna.”