Il-Kabinett għandu quddiemu abbozz ta’ liġi li permezz tiegħu, persuna se tkun tista’ ssir taf jekk is-sieħeb jew is-sieħba tagħha jkunux qatt instabu ħatja ta’ vjolenza domestika.
Dan ħabbru fil-Parlament l-Erbgħa filgħaxija l-Ministru responsabbli mill-Intern, Byron Camilleri, waqt id-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru.
Il-Ministru Camilleri qal li dan l-abbozz ta’ liġi tressaq ftit tal-jiem ilu flimkien mas-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg u huwa pass ieħor f’kullana ta’ deċiżjonijiet li jeħtieġ li l-pajjiż ikompli jieħu dwar il-vjolenza domestika.
“Kienet parti mill-manifest ellettorali tagħna, u li għażilna li tkun waħda minn tal-bidu li nimplimentaw u allura, permezz ta’ dawn l-emendi legali, persuna tkun tista’ tersaq ‘il quddiem u titlob biex tingħata informazzjoni jekk persuni li għandha relazzjoni magħha, qattx kienet instabet ħatja mill-Qorti li wettqet vjolenza domestika.”
Il-Ministru fakkar ukoll li l-Gvern ordna inkjesta indipendenti biex jiġu stabbiliti l-fatti kollha b’rabta mal-vjolenza domestika li kienet għaddejja minnha l-vittma Bernice Cassar.
L-inkjesta, li se ssir mill-imħallef irtirat Geoffrey Valencia, trid tistabbilixxi fost affarijiet oħra dak li seħħ minn kull entità li kellha rwol, anke fil-proċess tar-rapporti li kienet tressaq il-vittma, u tara kienx hemm nuqqasijiet min-nħa tagħhom f’dan il-proċess kollu.
Il-Ministru Camilleri semma wkoll diversi azzjonijiet li ttieħdu biex f’pajjiżna tkompli tiġi indirizzata l-pjaga tal-vjolenza domestika. Fost l-oħrajn semma t-taqsima tal-Vjolenza Domestika fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Din it-taqsima, li fiha hemm 33 uffiċjal li jinkludu ħames spetturi, li jaħdmu mal-vittmu ta’ vjolenza ta’ dan it-tip.
“Kif ġie mwaqqaf dan il-unit, in-numru ta’ każijiet rappurtati f’pajjiżna żdiedu. Fl-ewwel sena biss kien hemm żieda ta’ madwar 25%. It-tieni sena biss kien hemm żieda ta’ sitta fil-mija u din is-sena biss, sal-aħħar ta’ Ottubru, diġà huwa aktar minn sena sħiħa fl-2020.”
Huwa żied jgħid li l-obbligu tal-Gvern hu li jkompli jipprovdi r-riżorsi kollha biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra din il-pjaga tal-vjolenza domestika,u dak hu li se jkompli jagħmel.