Inqas minn sentejn minn mindu ġie introdott, il-Carers’ Grant se jkun qiegħed jiżdied minn €500 fis-sena għal €4,500 – kważi nofs paga minima.
Fakkret f’dan il-Ministru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat, u Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Farrugia Portelli waqt li fil-Parlament kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li tmexxi.
Hija stqarret li Awwissu ta’ din is-sena kien wieħed storiku għax fih pajjiżna rreġistra l-akbar numru ta’ persuni b’diżabilità fid-dinja tax-xogħol, total ta’ aktar minn tlett elef u ħames mitt persuna.
Dan ifisser li kien hemm żieda ta’ 321 persuna meta mqabbel mal-istess perjodu fl-elfejn wieħed u għoxrin, u żieda ta’ 2,517 persuna meta mqabbel maċ-ċifri taħt amministrazzjoni Nazzjonalista.
Il-Ministru Farrugia Portelli qalet ukoll li s-settur volontarju huwa pilastru ewlieni fil-kuntest soċjoekonomiku Malti, tant li għas-sena li ġejja dan il-Gvern alloka €3.6 miljun għall-għaqdiet volontarji Maltin u Għawdxin. Dan b’kuntrast mal-allokazzjoni ta’ €130,000 li gvern nazzjonalista allokka għal dan is-settur, lura fl-2012.
Il-Ministru tat rendikont ukoll tax-xogħol li twettaq fl-ewwel xhur ta’ din il-leġiżlatura, fejn twettqu għadd ta’ wegħdiet elettorali fosthom l-iskema SensAbility u s-servizz Way to Work.
Il-Ministru qalet li taħt il-gvern Laburista nfetħu sebat idjar tal-ogħla livell, mgħammra bl-aqwa teknoloġija.
“Fi ftit tax-xhur oħra se nkunu qed niftħu d-dar tal-Qrendi. Din id-dar se tkun qed tilqa’ disa’ persuni b’investiment totali ta’ 1.53 miljun ewro. Naqsam magħkom ukoll l-aħbar li daħlet proprju jumejn ilu, investiment ta’ kwazi wieħed punt erbgħa miljun ewro f’Ħal Kirkop, li issa l-permessi li ħarġu u tenders li ġew analizzati se jkun qiegħed jibda l-ewwel xogħol. ”
Min-naħa tagħha, id-deputat Laburista Katya De Giovanni semmiet li, fil-Budget għas-sena li ġejja, il-Gvern se jkun qiegħed jinvesti s-somma ta’ €4.2 miljun fuq il-kunċett ta’ Assistenti Personali u Independent Community Living biex aktar persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jilħqu l-potenzjal tagħhom.
“L-Independent Community Living scheme, investiment fil-poplu ta’ 4.2 miljun ewro, biex dawk il-persuni li jistgħu jgħixu fil-komunità, ikunu jistgħu jagħmlu dan permezz ta’ assistent personali.”
Il-Membru Parlamentari Malcolm Paul Agius Galea spjega li s-soċjetà fadilha ħafna x’taqdef biex kull individwu fiha jħossu milqugħ, imwieżen, u protett.
Huwa tkellem ukoll fuq iż-żieda fil-Carers’ Grant, u qal li kien gvern Laburista li fl-2021 beda jirrikonoxxi lil dawk il-ġenituri li ma jistgħux jaħdmu biex jieħdu ħsieb lil uliedhom adulti b’diżabilità severa.
“Rajna qabża enormi minn 500 ewro għal 4,500 ewro fis-sena. Mhux ċajta, l-allowance għal dawk l-400 persuna li qegħdin jieħdu ħsieb persuna b’diżabilità ta’ ’l-fuq minn 16-il sena.”