Roderick Cassar, ta’ 42 sena mill-Qrendi , inżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat fost l-oħrajn bil-qtil u femiċidju ta’ martu Bernice Cassar.
Cassar, omm ta’ żewġt itfal, inqatlet b’żewġ sparaturi f’wiċċha u l-ieħor f’sidirha t-Tlieta filgħodu viċin l-MCAST f’Raħal Ġdid.
L-allegat qattiel ta’ dan il-każ ġie arrestat f’daru fil-Qrendi kmieni l-Erbgħa għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs ta’ filgħodu. Dan sar f’operazzjoni delikata li saret, fosthom mill-Ispecial Intervention Unit tal-Pulizija, u li damet aktar minn sbatax-il siegħa.
Roderick Cassar jinsab mixli bi ħmistax-il akkuża, fosthom dik ta’ femidiċju. Dan kien l-ewwel każ li fih xi ħadd ġie mixli b’reat ta’ femiċidju, wara l-liġi li għaddiet mill-Parlament f’Ġunju li għadda.
Cassar ġie mixli wkoll li żamm lill-martu kontra l-volontà tagħha, li kellu arma tan-nar bla pussess u anki li seraq il-mobile u ċ-ċavetta tal-vittma, li għamel ħsara fuq il-karozza tal-vittma, li kiser ordni tal-Qorti, u li hedded raġel ieħor, fost oħrajn.
Għal dawn l-akkużi Roderick Cassar, li fil-Qorti qal li jaħdem għal rasu, wieġeb li mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Id-Difiża, immexxija mill-avukati tal-imputat, Franco Debono u Marion Camilleri, ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat.
Preżenti f’Awla numru 9 kien hemm ukoll il-qraba tal-vittma, fosthom omm u missier Bernice Cassar, ħutha, żijiet, u kuġini.
Flimkien magħhom kien hemm l-avukati Stefano Filetti, Marita Pace Dimech, Ann Marie Cutajar, u Rodianne Sciberras, li dehru għall-qraba ta’ Bernice Cassar bħala parte civile.
Fl-awla kien hemm ukoll numru kbir ta’ Pulizija, b’Roderick Cassar b’żewġ pulizija fuq kull naħa.
Għall-Prosekuzzjoni dehru l-Avukati Angele Vella, Anthony Vella, u Darlene Grima għall-Avukat Ġenerali, u l-Ispetturi Shawn Pawney, Wayne Camilleri, u Paul Camilleri għall-Kummissarju tal-Pulizija.
Id-Difiża talbet sabiex l-imputat jinżamm arrestat fil-Forensic Unit tal-Isptar Monte Karmeli u l-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba.
Il-Qorti , imexxija mill-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima, qalet li ħalliet f’idejn it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex tara fejn jinżamm arrestat l-imputat.
AĠĠORNAMENT KONTINWU MILL-QORTI
14:46 Roderick Cassar jinżamm arrestat u jinħareġ ’il barra mill-Awla minn membri tal-Pulizija.
14:45 Id-Difiża ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest.
14:44 Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba. Il-Maġistrat Grima qalet li huwa f’idejn it-tmexxija tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex tara fejn jinżamm l-imputat.
14:43 Id-Difiża talbet li l-imputat jinżamm fil-Forensic Unit tal-Isptar Monte Karmeli.
14:42 Roderick Cassar qal li għandu 42 sena u joqgħod il-Qrendi. Qal ukoll li jaħdem għal rasu.
14:41 Beda l-eżami tal-imputat Roderick Cassar. Huwa qam bilwieqfa biex iwieġeb għall-mistoqsijiet li se tagħmillu l-Maġistrat Astrid May Grima.
14:38 Fl-awla d-Difiża qed tgħid li l-arrest kien wieħed ġust u validu.
14:37 Hawn tliet avukati mill-Uffiċċju tal-Avukati Ġenerali u għall-Prosekuzzjoni hawn tliet Spetturi oħra. Għall-parte civile qed jidhru erba’ avukati oħra.
14:36 Fl-awla hawn preżenza kbira tal-Pulizija.
14:35 Jidħol fl-awla Roderick Cassar, b’żewġ Pulizija miegħu.
14:32 Fl-awla daħlu l-qraba tal-vittma, fosthom omm u missier Bernice Cassar u ħutha. Magħhom hemm ukoll erba’ avukati li huma tal-Parte Civile.
14:30 F’Awla 9 daħal is-Supretendent Keith Arnaund.
14:29 Fl-awla daħlu l-avukati tal-imputat, Franco Debono u Marion Camilleri.
14:28 Roderick Cassar se jkun qed jitressaq quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Astrid May Grima, f’Awla 9 tal-Qorti.
Għall-ħabta tas-2:30 ta’ waranofsinhar, Roderick Cassar, li jgħix il-Qrendi, se jitressaq il-Qorti akkużat bl-omiċidju ta’ martu, Bernice Cassar.
L-omiċidju seħħ nhar it-Tlieta filgħodu, f’Raħal Ġdid ,u l-vittma nqatlet b’żewġ tiri ta’ senter.
Roderick Cassar ġie arrestat ilbieraħ kmieni filgħodu għall-ħabta ta’ 2:30am wara operazzjoni delikata li saret, fosthom mill-Ispecial Intervention Unit tal-Puliizja, u li damet iżjed minn 17-il siegħa.