F’għaxar snin, l-attività ekonomika fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni żdiedet minn biljun ewro għal tnejn punt ħamsa biljun ewro.
Qal dan il-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet waqt li kienu qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li jmexxi.
Fid-diskors tiegħu, il-Ministru Schembri spjega li matul l-2021, għalkemm pajjiżna kien għadu milqut mill-pandemija, l-ekonomija kibret b’aktar minn għaxra fil-mija, 4.9% aktar mill-medja Ewropea.
Huwa żied jgħid li, quddiem iż-żieda konsiderevoli fil-prezzijiet tal-fjuwils u taċ-ċereali, il-Gvern se jkun qiegħed jġorr il-piż ta’ dawn iż-żidiet sabiex l-ekonomija tibqa’ miexja ’l quddiem.
Il-Ministru Silvio Schembri qal ukoll li, għal darb’oħra, fil-qasam tal-innovazzjoni diġitali, Malta qiegħda tkun minn ta’ quddiem biex tikseb vantaġġ kompettiv fuq ġuriżdizzjonijiet oħrajn.
Il-Ministru qal ukoll li Malta trid tkun lesta u fuq quddiem fir-raba’ rivoluzzjoni industrijali li qed iseħħ madwar id-dinja.
Osserva li, f’dan is-settur, saru avvanzi kbar, tant li mill-elfejn u tlettax ’l hawn il-ġid maħluq fil-qasam tad-diġitalizzazzjoni żdied b’darbtejn u nofs.
“Bl-industriji ġodda li qed noħolqu f’dan is-settur, minn biljun ewro, għaxar snin wara, dan il-ġid, din l-attività ekonomika fis-settur diġitali, tela’ għal tnejn punt sitta biljun ewro, darbtejn u nofs daqs kemm konna nipproduċu qabel. Dan ifisser tkabbir medju ta’ tnax punt tlieta fil-mija fis-sena.”
Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej, Chris Bonett, qal li sal-aħħar ta’din is-sena Malta se tkun użat tmenin fil-mija tal-fondi Ewropej mill-fondi għas-snin bejn l-elfejn u erbatax u l-elfejn u għoxrin, li jfisser sebgħa fil-mija aktar meta mqabbel mal-fondi għas-snin ta’ bejn l-elfejn u sebgħa u l-elfejn u tlettax.
Huwa żied jgħid li, meta l-Prim Ministru Robert Abela nnegozja l-ikbar pakkett ta’ fondi Ewropej, ta’ żewġ biljun u mitejn u ħamsin miljun ewro, il-Kummissjoni Ewropea kienet moħħha mistrieħ li dan il-Gvern għandu diġà pjan lest għall-allokazzjoni ta’ dawn il-fondi.
“Illum, Malta qed tgawdi minn reputazzjoni ta’ pajjiż serju li għandu Gvern li għandu pjan għall-Fondi li nnegozja għalihom, u li qiegħed jimplimenta dak il-pjan b’suċċess.”
Min-naħa tiegħu, id-deputat Laburista Ray Abela nnota ċ-ċertifikati pożittivi li ngħataw lil pajjiżna mill-Kummissjoni Ewropea u minn diversi aġenziji internazzjonali tal-klassifikazzjoni tal-kreditu.
Qal li dawn ir-riżultati jagħtu kreditu lill-viżjoni u l-miżuri tal-Gvern f’dawn l-aħħar snin.
“Dawn ir-riżultati huma ta’ importanza sinifikanti għal pajjiżna, speċjalment fil-kuntest li qed jiġri madwarna kemm fuq livell politiku kif ukoll dak ekonomiku.”
Il-Membru Parlamentari Alex Muscat spjega wkoll l-importanza ta’ waħda mill-iskemi li tħabbret fil-Budget tas-sena dieħla, li se tkun qed tgħin lin-negozji sabiex il-kirja jew iċ-ċens tagħhom jiġġeddu għal 45 sena.
“Din il-miżura unika, jien nemmen u naħseb li jkun interessanti li wieħed jikkwantifika kemm waħedha se jkollha impatt b’saħħtu ħafna biex inkomplu nkabbru l-ekonomija tagħna.”
Min-naħa tagħha, il-membru Parlamentari Cressida Galea tkellmet fuq il-ħidma tal-Gvern sabiex l-ekonomija Maltija tkompli tiftaħ għal niċeċ ekonomiċi ġodda sabiex jiġi żgurat li l-ekonomija tkompli tikber.
“Se nkomplu noħolqu ambjent li jattira u jakkomoda investiment, kemm lokali u barrani, sabiex anke nattiraw u noħolqu xogħol ġdid, xogħol ta’ kwalità għall-poplu Malti u Għawdxi.”