F’messaġġ irrekordjat biex għal darb’oħra ħadd ma jsaqsih xejn, il-Kap tal-Oppożizzjoni ħareġ kontra l-abbozz ta’ liġi li se jassigura li t-tobba jkunu legalment koperti biex jieħdu l-passi meħtieġa biex tkun imħarsa saħħet l-omm waqt it-tqala.
Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-iskuża ta’ Bernard Grech u tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista hi waħda fjakka ħafna u li m’għandiex mill-fatti. Dan l-abbozz ta’ liġi ma jfissirx dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fil-messaġġ irrekordjat tiegħu. Għal darb oħra qiegħed jiżgwida u jipprova jbeżża’ b’dak li mhux minnu. F’kull test li jkollu quddiemu Bernard Grech jagħżel il-logħba tal-partiġjaniżmu politiku.
L-għan tal-abbozz ta’ liġi hu li tkun iċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib kuranti u tal-omm f’ċirkostanzi fejn it-tqala twassal sabiex l-omm tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqegħdilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’periklu gravi.
Fil-fatt, kompla jgħid il-Partit Laburista, fil-liġijiet qed issir emenda waħda biss, li tiċċara li meta l-professjonisti mediċi jaqblu li t-tqala għandha tkun itterminata minħabba kumplikazzjoni medika li tkun tista’ tqiegħed ħajjet l-omm f’riskju jew saħħa ta’ periklu gravi, din it-terminazzjoni ma titqiesx bħala reat taħt l-artikoli 241(2) jew 243 tal-istess Kodiċi Kriminali.
Li jfisser ukoll li l-artikoli li diġa’ jeżistu fil-Kodiċi Kriminali dwar l-abort se jibqghu hemm. Hija wkoll emenda li tafda f’idejn il-professjonisti mediċi. Din hi kwistjoni li saħansitra fl-aħħar xhur tqanqlet mit-tobba stess.
Il-Partit Laburista jemmen li m’għandu jkun hemm l-ebda xkiel fl-għoti tal-kura neċessarja lill-omm. Din hi liġi li ssalva ħajjet l-omm.
Huwa ta’ dispjaċir kif għal darb’oħra Bernard Grech qed jagħżel in-nuqqas ta’ fatti quddiem suġġett sensittiv.