Pajjiżna jkompli jiddistingwi ruħu mill-kumplamet tal-Ewropa għax filwaqt li d-dimostrazzjoni f’Malta ta’ Jum il-Ħaddiem kienet iffukata fuq is-suċċessi ekonomiċi u l-ħidma li trid tkompli ssir biex il-ħaddiema jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar, f’pajjiżi oħra, inkluż fl-Ewropa, il-ħaddiema qed jeħduha mal-awtoritajiet.
Diversi kienu l-ħaddiema, inkluż iż-żgħażagħ, li niżlu fit-toroq ta’ Pariġi u ħaduha mal-Pulizija, b’dawn tal-aħħar jirrispondu bil-gass tad-dmugħ.
Il-Metro tirrappurta li l-mexxej Laburista Jeremy Corbyn ikkundanna r-razziżmu u l-lemin estrem.
Il-Birgun intqal li fit-Turkija, karozza tal-Pulizija qatlet raġel ta’ 57 sena f’Istanbul fejn ġew arrestati iżjed minn 200 demostrant f’Misraħ Taksim.
Cumhurriyet tgħid li f’Ankara, il-Pulizija arrestat għadd ta’ rġiel suspettati li għandhom rabtiet mal-militanti Kurdi jew tal-Istat Iżlamiku. F’Iżmir, xi demostranti neżgħu għarwenin bi protesta kontra l-fatt li l-pulizija kienu qed ifittxu lin-nies li riedu jmorru għal-laqgħa fil-pjazza ewlenija.
Skont China Times, f’Taipei, il-unjins talbu lill-Gvern inaqqas is-siegħat tax-xogħol u jżid il-pagi. Ħafna żgħażagħ qed jilmentaw li qed jiġu sfruttati mill-korporazzjonijiet internazzjonali. Manila Times tgħid li madwar elfejn dimostrant mill-partiti tax-xelluġ kellhom xi jgħidu ma-pulizija fit-toroq ta’ Manila hekk kif ippruvaw jersqu lejn l-ambaxxata tal-istati Uniti.
O Globo tirraporta li l-President Dilma Rousseff tal-Brażil ħadet l-okkazzjoni biex titkellem f’rally f’Sao Paulo biex tħabbar li kien bi ħsiebha ttejjeb il-benefiċċji soċjali, tnaqqas l-income tax għall-klassi tan-nofs u tibni 25 elf appartament li jinbiegħu bi prezz baxx lill-ħaddiema. F’rally oppost, il-mexxej tal-union, Paulinho da Forca, qal li dawn huma miżuri iddisprati ta’ president li qed tistenna li titkeċċa mill-kariġa.