B’investiment ta’ erba’ miljun ewro, il-binja ta’ Project House trasformat f’waħda ta’ aktar effiċjenza u rinovabbli fl’użu tal-enerġija.
L-investiment, li kien possibbli permezz ta’ fondi Ewropej, sar fuq din il-binja li tinsab fil-Floriana fejn intgħażlet bħala pijuniera fil-qasam ta’ proġett sostenibbli.
Fuq din il-binja sar xogħol estensiv bil-Perit fuq il-proġett spjegat kif ix-xogħol kien jinvolvi li l-binja ssir fuq Grad A, inbidlu t-twieqi kollha, il-faċċata nbidlet għal wahda aktar moderns iżda xorta li tikkumplimenta iż-żona, sistemi ta’ panelli ġodda fost bosta xogħol iehor.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li permezz ta’ dan il-proġett irridu nippromwovu aġenda favur aktar bini b’effiċjenza enerġetika biex nilħqu l-miri tal-Unjoni Ewropea dwar id-dekarbonizzazzjoni sas-sena 2050. Huwa kompla jgħid li ‘Project House’ se tkun ta’ eżempju kemm għas-settur pubbliku kif ukoll għas-settur privat biex flimkien ma’ stakeholders involuti, issir evoluzzjoni fuq livell nazzjonali fis-settur tal-bini. Dan se jkun determinanti fuq il-finanzjamenti li jagħtu l-banek għal proġett tal-iżvilupp fi żmien li ġej.
Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett qal li dan il-proġett li qegħdin ninawguraw illum huwa wieħed mill-proġetti favur l-ambjent li twettaq b’mod konkret b’investiment ta’ aktar minn €4 miljuni mill-Pjan għall-Irkupru u Reżiljenza għal Malta.