Jiġri x’jiġri mill-Brażil f’din l-edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja, din se tkun l-aħħar dehra tal-kowċ nazzjonali Brażiljan Tite. Adenor Leonardo Bacchi ta’ 61 sena, imlaqqam Tite bħall-kowċ ta’ suċċess Luiz Felipe Scolari, kien ħa t-tmexxija ta’ dan it-tim f’Settembru tal-2016. Ovvjament ix-xewqa kemm ta’ Tite u l-plejers tiegħu hija li jaslu sal-finali u jgħollu t-trofew prestiġjuż.
Is-Seleção jibbażżaw ħafna fuq l-attakk, l-aktar lejn l-attakant Neymar, filwaqt li jippressaw u jkunu veloċi sabiex iżommu kemm jistgħu l-pussess tal-ballun. Il-qawwa tat-tim Brażiljan jinsab fil-kollettiv u ftit jagħtu spazju lill-avversarji.
Il-Brażiljani jibdew l-impenji tagħhom illejla fi Grupp Ġ fit-20:00 kontra s-Serbja.
Intant il-kowċ tat-tim nazzjonali tas-Serbja Dragan Stojkovic xejjen ix-xnigħat li l-Brażiljani użaw drone biex jisspijawhom. Huwa qal li ma jemminx li t-tim qawwi Sudamerikan se joqgħod għassa tagħhom.
Il-Brażil u s-Serbja qed jitħarrġu fil-faċilitajiet tal-Al Arabi Training Centre f’Doha, ibbażati fuq iż-żewġ naħat opposti tat-triq.
Ritratt: Getty Images.