F’Sessjoni mal-Kumitat għall- Kultura u l-Edukazzjoni, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo u l-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonniċi ppreżentaw il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija fis-setturi tal-kultura u l-edukazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew.
F’din is-Sessjoni quddiem il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Ministri Maltin irrispondew għal diversi domandi ta’ Membri Parlamentari Ewropej dwar kwistjonijiet marbuta mal-ħidma tal-Unjoni Ewropea fl-oqsma tal- kultura u l-edukazzjoni.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo sostna li l-Presidenza Maltija ser tiffoka fuq ir-rilevanza li tinkiseb Edukazzjoni ta’ Kwalità Għolja għal kulħadd permezz ta’ Inklużjoni fid-Diversità bil-ħsieb li tfassal konklużjonijiet tal-Kunsill dwar din it-tema.
Il-kwalità u r-rilevanza tal-edukazzjoni għandhom ikunu marbutin mar-rekwiżiti tas-suq tax-xogħol u diretti lejn il-provvediment ta’ ħiliet relevanti, valuri tul il-ħajja meħtieġa biex ċittadini ewropej isiru ċittadini attivi.
F’dan il-kuntest, is-sistemi edukattivi għandhom ikunu aktar inklussivi u kapaċi biex b’hekk jinqatgħu minn approċċ one-size-fits-all għal wieħed ġust, flessibbli, diversifikat u komprensiv. Il-Ministru stqarr li ser tingħata importanza lill-inklużjoni bħala element primarju għal mekkaniżmi ta’ edukazzjoni effettiva sabiex tiġi żgurata l-effettività fit-tul u ż-żamma tal-kwalità, waqt li fl-istess ħin titqies ir-rilevanza, il-funzjoni u l-inkorporazzjoni ta’ ħiliet diġitali.
Dwar il-qasam tal-Isport, il-Ministru Bartolo enfasizza li f’konformità mal-għanijiet stabbiliti fl-Istrateġija UE 2020, il-Presidenza Maltija beħsiebha tiffoka fuq l-isport bħala pjattaforma għall-inklużjoni soċjali permezz tal-volontarjat, permezz ta’ konklużjonijiet tal-Kunsill, li jimmiraw b’mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli.
Il-Ministru Owen Bonnici sostna li l- Presidenza Maltija tal-Kunsill tal- Unjoni Ewropeja ser tkun qed taħdem sabiex tmexxi ’l quddiem id- Direttiva dwar is-Servizzi tal- Media Awdjo-viżiva. Il-Ministru qal li l-Kunsill ilu jaħdem sabiex jeżamina t-test kumpless u jifhem l-implikazzjonijiet li din id-direttiva għandha fis-suq awdjo-viżiv Ewropej. Il-Ministru kompla li l-għan ta’ din id-direttiva hu li jinkiseb progress sabiex jintleħaq livell ta’ kondizzjonijiet ugwali għas-servizzi tal- media awdjo-viżiva u jiżgura kompetizzjoni ġusta.
Il-Ministru għamel referenza għall-proposta tal- Kummissjoni li tiġi estiża l- azzjoni għall- parteċipazzjoni fis-Sena Ewropea tal-Kultura favur l-pajjiżi tal- EFTA/ŻEE u rrikonoxxihom bħala sieħba fil-kooperazzjoni kulturali.
Il-Ministru Bonnici ttama li s-Sena Ewropea tal-Wirt Kulturali ġġib għaqda bejn is-soċjetà. Huwa inkoraġixxa s-soċjetà sabiex tapprezza l- wirt kulturali u jinħoloq spazju pubbliku għal dibattitu rigward opportunitajiet u sfidi li qed jaffaċja l- wirt kulturali fl-Ewropa. Il- Ministru irrefera għall- fatt li l- Belt Valletta ser tkun il- Belt kulturali għas-sena 2018 u li Malta ser tkun qed tagħmel l-almu tagħha sabiex twettaq din l- inizjattiva ewlenija tal-UE fil- qasam tal- kultura.
Il-Ministru Bonnici kkonkluda li l- iskambju kulturali jippreżentaw wkoll benefiċċji ekonomiċi li huma importanti ħafna għall- ekonomija lokali u għall-impjiegi filwaqt li jissaħħu d-diversità kulturali u l-emanċipazzjoni tal-mara.
Waqt l-intervent tiegħu, il- Ministru wera dispjaċir għall-attakki li seħħew fuq il- wirt kulturali f’diversi pajjiżi bħall- Iraq u s-Sirja. Fl-aħħar nett huwa fisser li jekk ma neħdux azzjoni kontra din il-qerda, iċ-ċittadini ser jitilfu l-identità u l-valuri tagħom. Għalhekk Malta ser tkun qed tirrispondi għal din il- qerda billi ssegwi qafas li jiffoka fuq djalogi soċjo-ekonomiċi u interkulturali.