Fil-Khalifa Stadium kellna l-ewwel logħba minn Grupp E bejn il-Ġermanja u l-Ġappun. Logħba li fiha l-Ġappun irrepettew dak li għamlu l-Għarabja Sawdija kontra l-Arġentina.
Wara seba’ minuti logħob, żball ta’ İlkay Gündoğan f’nofs il-grawnd wassal għall-kontrattakk veloċi tal-Ġappuniżi. Daizen Maeda rċieva l-ballun u mill-viċin tefgħu fix-xibka, iżda l-gowl ma ngħatax għax kien offside.
Fl-20 minuta waslet ir-reazzjoni Ġermaniża bix-xutt minn barra l-kaxxa ta’ Kimmich bil-gowlkiper Ġappuniż Shūichi Gonda jwettaq titjira tajba u salva parzjalment. Il-ballun ġie f’saqajn Gundogan li sparra għoli imma kien f’pożizzjoni ta’ offside.
Fil-25 minuta ir-referi ċċekkja malajr il-VAR għall-possibiltà ta’ handball fuq Wataru Endo fil-kaxxa, iżda ma kien hemm l-ebda kuntatt.
Fit-28 minuta Gündoğan reġa kien perikoluz, bix-xutt tiegħu minbarra l-kaxxa salvat tajjeb minn Gonda.
Man-nofs siegħa logħob, Gonda waqqa lil Raum fil-kaxxa u r-referi ordna l-penalty. Mill-11-il metru Gündoğan ma falliex u fetaħ l-iskor.
Fir-raba’ minuta tal-ħin miżjud mix-xutt ta’ Joshua Kimmich, Gonda salva parzjalment u mir-rebound Kai Havertz xeħet il-ballun fix-xibka. Il-gowl ma ngħatax għaliex il-plejer Ġermaniż kien offside.
Mas-siegħa logħob, kien hemm azzjoni perikoluża Ġermaniża minn Jamal Musaila lejn Gündoğan li mix-xutt tiegħu minn tarf il-kaxxa, il-ballun għadda jħakkek mal-lasta.
Ftit wara kien il-Ġappuniż Kaoru Mitoma li avvanza u ta lejn Takuma Asano li mix-xutt tiegħu, il-ballun għadda bi ftit barra.
Fis-70 minuta, Serge Gnabry għal tliet darbiet ra lil Gonda jċaħħdu milli jiskorja t-tieni gowl għall-Ġermanja.
Tliet minuti wara, ċans kbir għal Asano li fil-kaxxa niżżel il-ballun tajjeb b’sidru u ra x-xutt tiegħu salvat tajjeb mill-gowlkiper Ġermaniż Manuel Neur.
Fil-75 minuta, meta l-Ġappuniżi kienu ferm perikolużi fil-kaxxa avversarja, Neur salva parzjalment u l-ballun ġie f’saqajn Ritsu Doan li għamilhom 1-1.
Fit-83 minuta, il-Ġappuniżi marru fil-vantaġġ permezz ta’ Asano, li kkontrolla tajjeb il-ballun, daħal fil-kaxxa u tefa’ fil-kantuniera tax-xibka wara Neur.
Fis-sitt minuta tal-ħin miżjud Leon Goretzka kellu ċans tajjeb li jagħmilhom 2-2, iżda l-ballun għadda bi ftit barra.Skor finali Ġermanja 1 Ġappun 2.
FIl-ħamsa ta’ waranofsinhar, mill-istess grupp, Spanja jilagħbu kontra l-Kosta Rika.
Ritratt: Javier García/REX/Shutterstock