Il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, indirizza konferenza tal-aħbarijiet fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, fejn ta l-aħħar aġġornament dwar il-femiċidju li seħħ fiż-Żona Industrija ta’ Kordin, f’Raħal Ġdid.
Fil-preżenza ta’ bosta ġurnalisti, il-Kummissarju tal-Pulizija qal li l-allegat aggressur huwa r-raġel tal-vittma u li sa dak il-ħin kien għadu maqful f’daru fil-Qrendi.
Hawnhekk, skattat operazzjoni minn taqsimiet differenti tal-Korp tal-Pulizija, flimkien ma’ negozjati mill-Ispettur Omar Zammit, sabiex l-allegat suspettat iċedi.
Huwa kien għadu fil-pussess tal-arma li biha allegatament qatel lil Bernice Cassar.
“Jirriżulta li l-aggressur spara tliet tiri, bil-vittma tintlaqat minn tnejn, f’wiċċha u f’sidirha. Din l-arma għadha ma nstabitx u allegatament hija shotgun.”
Il-Kummissarju Gafà spjega kif il-vittma kienet għamlet ħames rapporti mal-pulizija fil-konfront tar-raġel tagħha, b’rabta ma’ vjolenza domestika.
“F’dan l-istadju jista’ jiġi kkonfermat li, minn Mejju ta’ din is-sena, il-vittma għamlet ħames rapporti mal-pulizija fil-konfront tar-raġel tagħha b’rabta ma’ vjolenza domestika, bl-aħħar wieħed kien it-Tnejn filgħodu. Minn dawn ir-rapporti juru li sofriet ġrieħi ħfief u oħrajn vjolenza psikoloġika. Fl-aħħar xhur il-vittma kienet qed tiġi offruta għajnuna mill-Victim Support Agency tal-Pulizija.”
Huwa qal li l-pulizija kienet ħarġet akkużi fil-konfront tar-raġel tagħha fi tliet każijiet separati.
Il-Kummissarju qal li dan il-każ inikket il-Korp minħabba li l-Pulizija fl-aħħar snin investiet fil-qasam tal-vjolenza domestika.
Il-Kummissarju tal-Pulizija qal li kollox juri li n-nies għandhom fiduċja fis-servizz mogħti mill-Korp tal-Pulizija b’rabta mal-vjolenza domestika u dan kien rifless fin-numru ta’ nies li resqu għand il-Pulizija b’rabta ma’ dan.
“Fl-2021 kellek 65 kumpilazzjoni quddiem il-qrati tagħna, medja ta’ persuna mressqa kull jumejn. Fl-istess sena kellek 361 każ mismugħ fis-seduta tal-vjolenza domestika, allura dawk li jġorru piena ta’ sentejn. Sa Ottubru ta’ din is-sena dan il-unit ressaq 152 kumpilazzjoni u 650 oħra quddiem is-seduta: medja ta’ persuna u nofs kuljum.”
Bernice Cassar, flimkien maż-żewġ uliedha, ma kinux għadhom joqogħdu l-Qrendi, iżda kien qed joqgħodu Ħaż Żebbuġ.