Hekk kif ‘il fuq minn 40,000 ruħ huma mistennija jattendu għall-Festival tal-Ktieb, il-Malta Public Transport qed tħabbar servizz speċjali.
Dan is-servizz se jkun qed jopera minn u lejn l-MFCC f’ Ta’ Qali, bejn it-23 u s-27 ta’ Novembru.
Din iċ-ċelebrazzjoni tal-kotba, organizzata mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, hija okkażjoni li tgħaqqad tnedijiet ta’ kotba, awturi lokali u internazzjonali, seminars u wirjiet ta’ films u ħafna aktar, taħt saqaf wieħed.
Is-servizz speċjali mit-Terminus Bay A1 fil-Belt Valletta se jaħdem ma’ din l-iskeda:
Fit-23 u l-24 ta’ Novembru, tluq mill-Belt Valletta fil-16:50, fis-17:50, fis-18:50 u fit-19:50.
It-tluq mill-MFCC se jkun fis-17:50, fis-18:50, fit-19:50 u fid-21:10.
Nhar il-25 ta’ Novembru, it-tluq mill-Belt Valletta huwa skedat fil-16:50, fis-17:50, fis-18:50, fit-19:50 u fid-20:50, filwaqt li t-tluq mill-MFCC huwa skedat fis-17:50, fis-18:50, fit-19:50, fid-20:50 u fil-22:10.
Fis-26 ta’ Novembru, it-tluq mill-Belt Valletta se jkun kull siegħa, bl-ewwel karozza tal-linja titlaq fid-09:15 u bl-aħħar waħda skedata li titlaq fid-21:15.
It-tluq mill-MFCC se jkun ukoll kull siegħa, bl-ewwel karozza titlaq fl-10:15 u l-aħħar vjaġġ fl-22:15.
Fl-aħħar jum tal-festival, nhar is-27 ta’ Novembru, it-tluq mill-Belt Valletta se jkun qed isir kull siegħa, bl-ewwel vjaġġ fid-09:15 u l-aħħar vjaġġ lejn l-MFCC jitlaq fis-19:15.
It-tluq mill-MFCC għall-Belt Valletta se jkun kull siegħa, bl-ewwel vjaġġ isir fl-10:15 u l-aħħar wieħed fit-20:15.
Dan is-servizz u servizzi speċjali oħra għall-Festival Nazzjonali tal-Ktieb se jkunu b’xejn, ladarba l-passiġġiera jkollhom tallinja card personalizzata u valida.
Aktar informazzjoni fuq is-sit: https://www.publictransport.com.mt/.