Fi grupp għal dawk li jħobbu l-annimali fuq is-sit soċjali ta’ facebook tpoġġa dan ir-ritratt ta’ ‘djar’ għall-qtates li jgħixu bla saqaf fuq rashom u li l-unika tama ta’ ħajja jridu jsibuha fit-toroq Maltin. Kienu bosta l-kummenti ta’ tifħir u pożittivi dwar dawn ix-xelters għall-annimali fil-bandli ta’ San Ġwann.
Il-maġġoranza ta’ dawk li kkummentaw appellaw lill-Kunsilli Lokali tal-lokalitá tagħhom, biex dawn jibdew isiru f’kull lokalitá madwar Malta u Għawdex, hekk kif dan l-ispazju żgħir jagħmel differenza kbira għal dawn l-annimali.
Biswit dan ix-xelter qed jiġi provdut ukoll l-ilma għall-annimali li jkunu fiż-żona. Ġest deskritt mill-bosta bħala wieħed sabiħ u importanti ħafna.
Iżda, fejn jidħlu dawn ix-xelters id-diskussjoni ma taqta’ xejn hekk kif hemm dawk li jarawhom bħala inizjattivi li jħammġu l-ambjent u oħrajn jarawhom bħala neċċessitá.