Is-Segretarju Parlamentari għas-Sajd, l-Akwakultura u d-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, nediet proċess ta’ konsultazzjoni wiesgħa mas-sajjieda Maltin u Għawdxin.
Il-konsultazzjoni se ssir permezz ta’ 43 laqgħa li se jiġu organizzati bejn it-28 ta’ Novembru u s-16 ta’ Mejju li ġej. L-għan ta’ dawn il-laqgħat se jkun li titfassal strateġija nazzjonali ġdida għas-settur tas-Sajd li tkun tirrifletti r-realtajiet ambjentali, soċjali, u ekonomiċi tas-settur.
Barra minn dan, se ssaħħaħ il-konoxxenza fuq is-sajd fost il-poplu inġenerali, filwaqt li tesplora l-aħjar mod kif is-settur se jħajjar iktar żgħażagħ biex jaħdmu fis-settur, b’mod parallel mal-ħidma li diġà qiegħda ssir fuq livell Ewropew.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said fakkret li s-settur tas-sajd huwa wieħed varjat u multidimensjonali, u jinvolvi l-għajxien ta’ eluf ta’ familji. Is-sajd ifisser il-ħajja ta’ kuljum għal ġenerazzjonijiet sħaħ, u għalhekk inħass il-bżonn li jinħoloq qafas politiku u legali li jindirizza l-bżonnijiet u x-xewqat ta’ nies ta’ esperjenzi u sfondi differenti, kemm dawk fl-immedjat kif ukoll dawk fuq terminu medju u fit-tul.
Se nkunu qed nitkellmu mas-sajjieda mid-diversi portijiet, għax fl-aħħar mill-aħħar ir-realtà ta’ sajjied minn Marsaxlokk hija differenti minn ta’ sajjied minn San Pawl il-Baħar. Għaldaqstant, b’dan il-mod, id-diversità tas-settur se nkunu nistgħu nirriflettu fuqha u naraw kif l-aħjar li l-liġi tkun iffurmata, li tagħmel sens, u b’dan il-mod anki nżidu s-sostenibbiltà tas-settur tas-sajd.
Is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet li,permezz ta’ viżjoni ħolistika li tpoġġi lis-sajjied fiċ-ċentru tal-ħidma tagħna, il-Gvern irid jindirizza b’mod ċar u koerenti l-kwistjonijiet preżenti u futuri, bl-iktar mod effikaċi, koerenti u konsistenti.