Żgur li qatt ma jintesew dawk il-mumenti kruċjali li fihom Christian Eriksen kien qed jissielet għal ħajtu. Kif jgħid Eriksen stess, huwa kien mejjet għal ħames minuti, meta sofra attakk tal-qalb kontra l-Finlandja fl-Euro 2020. Eriksen għandu 30 sena u f’dan l-istaġun qed jilgħab ma’ Manchester United, wara staġun ma’ Brentford fl-Ingilterra. Huwa meqjus bħala l-aħjar plejer Daniż u jnissel fiduċja kbira ma’ sħabu l-plejers u l-kowċ Kasper Hjulmand.
Fil-Premier League Ingliż hemm ukoll Mikkel Damsgaard, Mathias Jensen u Christian Nørgaard ta’ Brentford, Pierre-Emile Hojbjerg ta’ Tottenham Hotspur, Joachim Andersen ta’ Crystal Palace u Rasmus Kristensen ta’ Leeds United.
Il-firxa ta’ plejers Daniżi fl-Ewropa tkompli b’Andreas Skov Olsen ma’ Club Brugge, Joakim Maehle ta’ Atalanta. Martin Braithwaite ta’ Espanyol, Yussuf Poulsen ta’ RB Leipzig, Kasper Dolberg ta’ Sevilla, Simon Kjær ta’ AC Milan, il-gowlkiper Kasper Schmeichel ma’ Nice u Andreas Christensen ma’ Barcelona.
Wara l-avventura tal-Euro 2020 li wasslithom sas-semifinali, se jibdew avventura oħra kbira u ferm mistennija, meta fis-sagħtejn ta’ waranofsinhar jaffrontaw lit-Tuneżija, fi Grupp D.
Ritratt: DeFodi Images via Getty Images.