Il-waqfa tal-kampjonat minħabba l-impenji tat-tim nazzjonali tagħat iċ-ċans lil Ħamrun Spartans biex ikollhom opportunità oħra jaqsmu l-passjoni sportiva tagħhom ma’ membri inqas ixxurtjati fis-soċjetà. Filwaqt li tradizzjonalment l-attivitajiet soċjali tal-iSpartans involvew għadd ta’ plejers jaqsmu t-talent tagħhom fil-futbol ma’ ħaddieħor, din id-darba kien imiss lilhom jesperjenzaw sport ieħor.
L-iskwadra tal-Ħamrun, bil-preżenza tal-plejers kollha mhux imsejħa fl-skwadra tat-tim nazzjonali Malti flimkien mal-kowċis iltaqgħu fil-Kulleġġ San Ġorġ Preca fil-Ħamrun stess fejn għadd ta’ żgħażagħ minn St.Patrick’s School and Residential ta’ Tas-Sliema sfidawhom f’numru ta’ partiti ta’ 3v3 baskitbol. Iżda l-isfida għal plejers bħal Emerson, Dodo, Elvis u sħabhom tqalet hekk kif kien imiss lit-talenti tal-wheelchair baskitbol li niżlu jilgħabu għall-partita affaxxinanti fuq żewġ roti.
Għalkemm il-baskitbol kien l-attrazzjoni tal-ġurnata, l-iSpartans sempliċiment ma jirnexxilhomx ma jdaħħlux ftit tal-futbol fin-nofs u fl-aħħar parti tal-programm stiednu liż-żgħażagħ preżenti għal daqqtejn ballun fil-piċċ ta’ barra tal-Liċeo. Ċertament li għal dawn iż-żgħażagħ iċ-ċans li jqassmu l-ballun u jippruvaw jaqbżu xi plejer mit-tim tal-quċċata tal-kampjonat Malti hija esperjenza li m’hu se jinsewha qatt.
Fl-aħħar ta’ dan l-avveniment, organizzat minn Ħamrun Ħanin bl-appoġġ tal-Malta Wheelchair Basketball Association, il-kowċ tal-iSpartans, Branko Nisevic qal li: “Huwa ta’ sodisfazzjon u ferħ kbir li nwasslu tbissima lil dawk li huma forsi inqas ixxurtjati minna. Din kienet esperjenza ta’ tagħlim għall-plejers tagħna. Għalkemm fostna għandna numru ta’ rġiel li kellhom tfulija mhux faċli, xorta tajjeb li nfakkruhom kemm huma xxurtjati li jaqilgħu l-għajxien tagħhom mill-futbol. Dan għaliex il-Ħamrun hu aktar minn sempliċi klabb tal-futbol”.
Noel Aquilina, President tal-Malta Wheelchair Basketball Assocation qal: “Ilbieraħ bħala Association konna involuti f’teambuilding flimken ma’ Ħamrun Spartans FC kif ukoll ma’ żgħażagħ ta’ St Patrick’s. Kollaborazzjonijet bħal dawn iservu ta’ għodda biex ikun hawn aktar għarfien kemm dwar inklużjoni kif ukoll iservu ta’ okkażjoni fejn wieħed jista’ jifhem li permezz tal-isport nistgħu nwaqqgħu kull barriera u nifhmu li minkejja d-differenzi, aħna lkoll l-istess”.