Fil-ħdax ta’ dalgħodu l-Arġentina se jkunu fl-azzjoni kontra l-Għarabja Sawdija, fl-ewwel logħba minn Grupp Ċ. Għall-captain tat-tim nazzjonali Arġentin Lionel Messi li għandu 35 sena, dan se jkun l-aħħar ċans biex jilħaq il-ħolma ta’ ħajtu, dik li jgħolli t-Tazza tad-Dinja. Prattikament dan huwa l-uniku trofew li jonqos mill-kollezzjoni ta’ unuri li rebaħ tul is-snin.
Messi li rebaħ il-Ballun tad-Deheb seba’ darbiet qed ikun preżenti għall-ħames edizzjoni tat-Tazza tad-Dinja konsekuttiva, mid-debutt tiegħu fil-Ġermanja fl-2006. Is-sena li għaddiet l-Arġentina rebħu l-Copa America meta fil-finali għelbu lil Brażil bl-iskor ta’ 1-0.
Fl-edizzjoni tal-2014, Messi kien rebaħ il-ballun tad-deheb li jingħata għall-aħjar plejer f’dik l-edizzjoni. Niftakru imma li xejn ma kien kuntent li rċieva dan l-unur, meta t-tim nazzjonali tiegħu tilef il-finali kontra l-Ġermanja bl-iskor ta’ 1-0.
F’kummenti li ta Messi huwa qal, “Hija xi ħaġa sabiħa li ħafna nies li mhumiex mill-Arġentina, jixtiequna li nkunu ċ-champions u ħafna minnhom minħabba fija. Jiena ninsab grat għall-imħabba li rċevejt fil-karriera tiegħi madwar id-dinja u anki hawn fil-Qatar.”
Messi xtaq iserraħ ras kulħadd li fiżikament jinsab tajjeb ħafna u li jinsab fl-aqwa żmien kemm personalment u anki fiżikament. Għal min qal li huwa qed jitħarreġ differenti minn sħabu, dan sempliċiment bħala prekawzjoni għal daqqa li qala’, imma m’hemm xejn inkwetanti.
Wara l-logħba ta’ dalgħodu, fi Grupp Ċ, l-Arġentina jilagħbu kontra l-Messiku nhar is-Sibt li ġej fit-20:00 u kontra l-Polonja nhar l-Erbgħa 30 ta’ Novembru fit-20:00.
Ritratt: Getty Images