In-nies jafu li qed naħdmu biex ikollna istituzzjonijiet serji u indipendenti li jagħtu ġustizzja.
Kien dan il-messaġġ tal-Prim Ministru Robert Abela t-Tnejn filgħaxija fil-Parlament, meta tkellem dwar il-kwistjoni tan-nuqqas ta’ qbil dwar min se jinħatar Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika u Ombudsman.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru ressaq żewġ mozzjonijiet biex l-eks Prim Imħallef Joseph Azzopardi jinħatar bħala Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika u l-eks Imħallef Joseph Zammit McKeon jinħatar Ombudsman.
Huwa saħaq li dawn l-ismijiet joffru newtralità u imparzjalità, b’differenza għal dak li ressaq il-Kap tal-Oppożizzjoni, Bernard Grech.
Fi kliem il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni jinteressah biss minn dak li jista’ jinterpreta bħala rebħa politika.
“Rajt fil-Kap tal-Oppożizzjoni dakinhar li għad hemm jirrenja l-istess sens ta’ arroganza li konna naraw imexxi lil dan il-pajjiż qabel l-elfejn u tlettax; ta’ jew li ngħidu aħna jew xejn.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru spjega li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien lest jaċċetta dawn iż-żewġ ismijiet iżda qallu li l-preferenza tiegħu kienet li dawn it-tnejn jokkupaw il-karigi inversi tal-mod kif proponihom hu.
“U jien nifhmu li llum il-Kap tal-Oppożizzjoni qiegħed jgħid mhux vera, għaliex sħabu internament qalulu li jekk isiru jafu li verament kien aċċetta din il-pożizzjoni, allura l-pożizzjoni tiegħu fil-kariga hija pperikolata.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru spjega li wara dak l-inkontru, il-Kap tal-Oppożizzjoni reġa’ qallu l-istess kliem fl-għaxra ta’ Novembru fil-Parlament, jiġifieri li lest jgħix b’dawn iż-żewġ karigi.
Iżda sagħtejn biss wara, bil-kitba, qallu li lest li jaċċetta li Azzopardi jokkupa l-kariga ta’ Ombudsman u Mckeon jokkupa l-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika.
Il-Prim Ministru saħaq li hu se jibqa’ konsistenti, u fakkar lill-Kap tal-Oppożizzjoni li mal-predeċessur tiegħu, l-affarijiet kienu differenti meta kien ikkonsulta miegħu dwar il-kariga ta’ Prim Imħallef.
“Minkejja li sa dakinhar dwar din il-kariga ma kienx meħtieġ li jkun hemm iż-żewġ terzi, xorta waħda għażilt li nfittex il-kunsens u dan il-kunsens sibtu mal-predeċessur tiegħek għax ressaqt isem ta’ persuna serja, integra u idonja.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fil-Parlament, il-Prim Ministru saħaq li meta niġu għal dawn il-ħatriet, l-establishment tal-Partit Nazzjonalista jkun irid jibqa’ jimmanipula l-karigi biex jibqa’ fil-kontroll.
B’differenza, Gvern Laburista jemmen li jridu jiġu mħaddma min-nies li jkunu kapaċi jħaddmu l-qafas tal-liġi ta’ pajjiżna b’mod ġust.
Għaldaqstant, fi sfond ta’ Oppożizzjoni kappriċċuża, se titħaddem emenda biex dawn l-uffiċċji ma jibqgħux vojta.
“L-emenda li se nkunu qegħdin inressqu ’l quddiem se tkun immudellata fuq dik il-linja. Nifhem li Simon Busuttil meta ressaq ’il quddiem dik l-emenda kien qed jittama li fl-2017 kien se jkun Prim Ministru tal-pajjiż. Ma ġarax hekk iżda l-emenda li kien ippropona dakinhar qiegħda hemmhekk bl-iswed fuq l-abjad u allura dak li għandu jsir biex dawn iż-żewġ karigi jimtlew, se jsir.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru temm jgħid li dawn l-argumenti qed iressaqhom b’wiċċu minn quddiem u bil-kredibbiltà li kiseb fl-aħħar snin, għaliex in-nies jafu li x-xogħol kollu qed isir biex ikollna istituzzjonijiet serji li jaħdmu.
“In-nies jafu li kull pass li qed nieħdu qed nagħmluh biex ikollna istituzzjonijiet li qed jaħdmu b’indipendenza u b’serjetà u jaħdmu tfisser li jaħdmu b’ġustizzja għax hekk tagħti ċ-ċertezza u l-istabbiltà lil pajjiżna. Pajjiż li għandna fiduċja kbira fih. Il-politika tagħna hi bbażata fuq il-fiduċja kbira li nħaddnu f’pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela