Fl-ewwel logħba minn Grupp B, fil-Khalifa International Stadium ta’ Doha, iltaqgħu l-Ingilterra u l-Iran. L-Ingliżi kellhom rebħa dominanti ta’ 6-2.
Fil-countdown ta’ qabel il-bidu uffiċjali ta’ din il-partita, il-plejers tat-tim nazzjonali Ingliż żammew it-tradizzjoni tagħhom u niżlu għal ħames sekondi fuq irkoppa waħda bħala sinjal ta’ inklużjoni.
Wara biss ħames minuti logħob, waqt kross ta’ Maguire li kien ġej min-naħa tal-lemin, il-gowlkiper Iranjan Aliresa Beiranvand ħabat ras ma’ ras ma’ sieħbu Majid Hosseini u dam aktar minn ħames minuti biex qam mill-art. Wara li rċieva l-assistenza medika li kellu bżonn, għad-daqqa kbira li qala’ fuq imnieħru, deher li kien lest sabiex ikompli dan il-konfront. Madanakollu ftit wara waqa’ u fid-19-il minuta kellu jċedi postu għal Hossein Hosseini.
Fit-32 minuta, minn azzjoni ta’ corner, Harry Maguire għola tajjeb fil-kaxxa u bid-daqqa ta’ ras kien ferm sfortunat li laqat il-lasta l-mimduda.
Fil-35 minuta, l-Ingliżi marru fil-vantaġġ, mid-daqqa ta’ ras tal-plejer żagħżugħ ta’ dsatax-il sena, li jilgħab ma’ Borussia Dortmund, Jude Bellingham.
Fit-43 minuta, corner għall-Ingilterra, iniżżel il-ballun bir-ras Maguire lejn Bukayo Sako li b’xutt mill-isbaħ għeleb lil Hosseini u għamilhom 2-0.
Fl-ewwel minuta tal-ħin miżjud wasal gowl ieħor mill-isbaħ. Din id-darba kien Raheem Sterling li reġa’ ferraħ lill-partitarji kollha Ingliżi.
Minħabba l-inċident tal-gowlkiper Iranjan, kellhom jingħataw 14-il minuta ta’ ħin miżjud qabel tmiem l-ewwel taqsima. Ta’ min jgħid, li l-itwal ħin miżjud fl-istorja tal-Premier League Ingliż kien ta’ 19-il minuta. Dan seħħ flt-22 ta’ Jannar 2022, fil-logħba bejn Brantford u Wolves, meta l-plejers kellhom iħallu l-pitch, għaliex deher drone jittajjar fuq il-pitch.
Fit-62 minuta, għal darb’oħra kien Saka li b’azzjoni personali skorja r-raba’ gowl għall-Ingilterra.
Fil-65 minuta, l-Iranjani naqqsu l-iskor permezz ta’ Mehdi Taremi, li bil-gowl tiegħu sploda l-Khalifa International Stadium.
Fil-71 minuta, kien imiss lil Marcus Rashford li kien ilu fl-azzjoni għal ftit sekondi, sabiex skorja l-ħames gowl.
L-Ingliżi riedu jwasslu l-messaġġ li they mean business, għaliex fid-90 minuta Jack Grealish skorja s-sitt gowl.
Sardar Asmoun kellu okkażjoni tajba li jiskorja t-tieni gowl Iranjan, meta laqat il-lasta l-mimduda fil-ħin miżjud.
Qabel tmiem il-partita, ir-referi kellu jikkonsulta l-VAR għall-possibiltà ta’ penalty għal Iran. Ir-referi ordna l-penalty u mill-11-il metru reġa’ kien Taremi li għeleb lil Jordan Pickford li ma tantx kien impenjat.
Skor finali Ingilterra 6 Iran 2.
Mill-istess grupp, fit-tmienja ta’ filgħaxija l-Istati Uniti jilagħbu kontra Wales. Iżda qabel, fil-ħamsa ta’ waranofsinhar ikollna logħba oħra minn Grupp A, dik bejn is-Senegal u l-Olanda.
Ritratt: Clive Brunskill/Getty Images)