‘Nisa Reżiljenti.’ Dan huwa l-isem ta’ ktieb u dokumentarju li jittratta l-ħajja ta’ ħmistax-il mara, li minkejja l-oqsma differenti li ġejjin minnhom, ilkoll jaffaċċjaw sfidi u passjonijiet simili.
Fost dawn in-nisa hemm kantanta, imprenditriċi, eks-politikanta, ġurnalista u mara fil-qasam agrikolu.
ONE News tkellem mal-editur ewlieni tal-ktieb, l-Ekonomista Stephanie Fabri.
“Dawn in-nisa jitkellmu kif anke jsibu bilanċ bejn ix-xogħol, il-karriera u l-ħajja personali tagħhom u qed ituna dawk it-tips kif nistgħu aħna bażikament naddottaw dawn l-elementi biex anke aħna nsibu dak il-bilanċ fil-ħajja li llum tant hija mgħaġġla għall-mara.”
Tkellimna wkoll mal-editur, l-ekonomista Kirsten Cutajar Miller, li kellha appell għas-soċjeta’ biex toffri l-appoġġ meħtieġ u tgħin lin-nisa jersqu lejn id-dinja tax-xogħol.
“Permezz ta’ dal-ktieb qed nappellaw biex is-soċjetà aktar tiffaċilita li mara tersaq lejn id-dinja tax-xogħol, li jkollha s-sapport meħtieġ, li hi titlob għall-għajnuna fejn ikun hemm bżonn biex inkomplu nilħqu dak il-potenzjal kollu li għandhom in-nisa.”
Il-Professur Vincent Cassar u l-Professur Andrew Azzopardi huma wkoll parti mit-tim tal-edituri.
Il-fondi kollha minn dan il-ktieb se jmorru għal Dar Merħba Bik, li tgħin vittmi ta’ vjolenza domestika, u s-sorijiet tal-Good Sheperd Sisters.