Quddiem sala mimlija daqs bajda fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela għalaq il-Konferenza Ġenerali tal-Partit Laburista b’indirizz b’saħħtu li fih mhux biss kompla jwassal il-viżjoni li għandu għal Malta iżda fuq kollox wera kif il-fiduċja f’pajjiżna hi mnebbħa fuq kemm il-partit u l-Gvern li jmexxi, tassew jemmnu f’Malta.
Fil-Konferenza Ġenerali bit-tema ‘Fiduċja f’pajjiżna’, il-Prim Ministru Robert Abela qal li propju din l-istess fiduċja wasslet biex minn sfidi ħloqna opportunitajiet biex Malta baqgħet, għadha u se tkompli miexja fid-direzzjoni t-tajba.
Il-Mexxej Laburista tkellem dwar fejn qed jara l-Partit Laburista għaż-żmien li ġej f’ħidma favur il-familji Għawdxin u Maltin fejn il-fiduċja hi l-bażi tal-progress.
“Żgur inħaddnu l-valuri u l-prinċipji li dan il-pajjiż jeħtieġ biex nibqgħu mexjin ’il quddiem. Dawk li se jwasslu biex il-pajjiż jibqa’ jkun suċċess. In-nies magħna jafu fejn qegħdin. U fuq kollox jafu sew il-Partit Laburista x’jemmen. Għalhekk il-poplu reġa’ għażel dawn il-prinċipji f’Marzu li għadda. Għażel il-programm tagħna. Għażel il-proġett li għandna għal pajjiżna. Iżda, dik l-għażla titfa’ fuqna responsabbiltà ikbar għaż-żmien li ġej.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru saħaq li bħala partit ma nistgħux nistrieħu fuq dak li ksibna iżda rridu naħdmu u nikkonvinċu iżjed.
“Ladarba issa l-mandat huwa akbar, ifisser li għal kull bieb li ħabbatna fis-snin li għaddew, issa irridu nħabbtu tnejn biex niddjalogaw ma’ iktar persuni. Biex nispjegaw għaliex il-bidla ma tista tieqaf qatt u trid tkompli. Għaliex xejn ma jista’ jittieħed for granted. Fil-politika, f’soċjetà li tinbidel il-ħin kollu, ma jeżistix il-mument fejn tista’ tgħid issa għamilna biżżejjed. Jew li tgħid issa nistgħu nieqfu hawn. Għax jekk tiddeċiedi hekk, tibda miexi lura. Forsi hemm min jaħseb li l-punt tal-wasla kien ir-riżultat sabiħ li ksibna f’Marzu li għadda. Iżda, filwaqt li r-riżultat imliena b’kuragg biex nahdmu iżjed, dak kien biss il-punt ta’ tluq biex inkomplu nimmodernizzaw lil pajjiżna.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fost l-entużjażmu li spikka fis-sala hekk kif tlaqqgħet l-ewwel Konferenza Ġenerali Annwali fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun minn meta faqqgħet il-pandemija, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka l-ħidma favur il-ġustizzja soċjali biex kulħadd jimxi ’l quddiem.
F’dan il-kuntest semma l-Budget u l-għadd ta’ miżuri li jgħinu lill-familji.
“Jieħdu għalihom sħabna tal-Oppożizzjoni li nirreklamaw dak li nkunu għamilna fil-Budget. Smajtuhom jgħidulna, jekk il-budget huwa tant tajjeb hemm għalfejn tirreklamawh? Mur obsor. It-tweġiba hija sempliċi. Il-pensjonanti għandhom ikunu jafu kemm reġgħu żdiedu fil-pensjoni. Il-first-time buyers għandhom ikunu jafu xi skemi hemm għalihom. Il-persuni b’diżabbiltà u l-familji tagħhom għandhom ikunu infurmati dwar x’benefiċċji se jgawdu minnhom. In-negozji jridu jkunu jafu li għandhom moħħhom mistrieħ dwar prezzijiet tal-enerġija stabbli, ħalli jippjanaw l-investiment. Dawk li jridu jinvestu f’enerġija rinovabbli iridu jkunu jafu xi skemi hemm għalihom. Il-ġenituri għandhom ikunu jafu x’żidiet se jieħdu fiċ-childrens allowance. Dawk li se jgawdu mill-garanzija għat-tfal ghandhom ikunu jafu wkoll. Tafu min jiddejjaq jirreklama l-budgets tiegħu? Min kien ibigħ l-awsterità, jgħolli l-kontijiet u jżid it-taxxi.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru esprima l-ħsibijiet tiegħu dwar kif jara l-fiduċja f’pajjiżna meta jżur postijiet tax-xogħol u jara t-tkattir tal-investiment.
Hawn semma kif fost oħrajn jiltaqa’ maż-żgħażagħ li appellalhom biex aktar minn qatt qabel jibqgħu jkunu ambizzjużi għaliex se jsibu partit li joffri t-tama u s-soluzzjonijiet u mhux il-qtugħ il-qalb.
“Futur sabiħ għax għandna fiduċja f’pajjiżna. Fiduċja f’pajjiżna billi ngħinu lin-negozji jinvestu nieħdu ħsieb l-anzjani tagħna. Ngħinu liż-żgħażagħ iwettqu l-ħolm tagħhom, ma nħallu ebda tifel jew tifla jaqgħu lura u ma nistrieħu qatt fuq dak li ksibna. Għalhekk il-partit tar-riformi, tal-ġustizja soċjali, tal-aspirazzjoni. Fuq dawn se nibnu futur sabiħ. Futur sabiħ f’Għawdex u Malta tagħna. Il-pajjiż li tant inħobbu. Il-pajjiż li għandna fiduċja fih.”
Il-Prim Ministru Robert Abela