Ta’ kull sena, l-20 ta’ Novembru jfakkar lit-tfal kollha.
It-tema għaċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Jum it-Tfal din is-sena hija li l-ugwaljanza u l-inklużjoni għandhom ikunu żgurati għal kull tifel u tifla.
F’dan il-jum jiġu ċċelebrati l-bosta kisbiet li saru biex jiġi żgurat li t-tfal ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom, kif ukoll biex ikompli jiġi żgurat li t-tfal kollha jkollhom id-drittijiet tagħhom garantiti.
Sabiex jitfakkar dan il-jum, fl-Iskola Primarja tal-Għargħur, il-Kummissarju għat-Tfal Antoinette Vassallo u l-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon nedew sett ta’ riżorsi xierqa skont l-età dwar id-drittijiet tat-tfal.
Dawn ir-riżorsi, li ġew żviluppati mill-UNICEF, saru bil-Malti, mill-Uffiċċju tal-Kummissarju għat-Tfal u qed jitqassmu lit-tfal kollha fl-iskejjel Maltin.
Tkellimna mal-Kap tal-iskola Primarja ta’ Ħal Għargħur, Ben Portelli li stqarret magħna kemm huwa importanti li l-iskejjel jindirizzaw il-bżonnijiet tal-istudenti fl-iżvillupp tagħhom, mhux biss f’dak akkademiku imma wkoll f’dak soċjali, psikoloġiku, emozzjonali u spiritwali.
“Jum it-Tfal huwa kuljum għaliex it-tfal huma t-teżori tagħna, inħobbuhom daqs li kieku aħna l-ommijiet u l-ġenituri tagħhom. Waħda mill-affarijiet, illi l-ħin kollu nħambaq fuqha, meta nżur il-klassijiet hi li nfakkar l-istudenti li jitkellmu u jaqsmu dak kollu li jinkwetahom, dak kollu li jweġġagħhom, dak kollu li jħossu li mhuwiex sew. Jien nemmen li t-tfal għandhom id-dritt li jitkellmu, t-tfal għandhom id-dritt li jaqsmu l-weġgħat tagħhom, u t-tfal għandhom id-dritt li jsibu dik il-persuna, ma’ min jiftħu qalbhom.
Il-Kummissarju għat-tfal Antoinette Vassallo tkellmet b’mod estensiv dwar l-importanza tad-drittijiet tat-tfal li jvarjaw skont l-età tagħhom.
“Illum la qegħdin ġo skola qegħdin nitkellmu fuq id-drittijiet ta’ inklużjoni, id-dritt ta’ ugwaljanza għaliex ġo l-iskejjel qed insibu varjetà ta’ tfal li ġejjin minn pajjiżi oħra, id-dritt li jitgħallmu, id-dritt li jilagħbu għax dak huwa dritt sagrosant.
Il-Ministru Micheal Falzon saħaq magħna li Jum it-tfal huwa kuljum.
“It-tfal huma mhux biss il-ġenerazzjoni ta’għada, it-tfal huma parti mis-socjetà tal-lum u rridu nkunu hemm biex naraw hemm biex naraw li kull tifel u tifla, jekk għandu l-potenzjal jilħaq il-potenzjal kollu tiegħu. Id-dover tagħna huwa li nipprovdu dik l-opportunità. Illum forsi qed nagħfsu f’dawk li huma drittijiet, imma nħarsu aktar minn drittijiet, irridu nħarsu lejn il-kompletezza tat-tfal ta’ għada, illi mhux biss ikunu socjetà waħda imma soċjetà aħjar minn tal-lum.