Minimu ta’ sitt lokalitajiet fi ħdan kull kunsill reġjonali, se jibbenefikaw minn skema għall-iżvilupp ta’ latrini pubbliċi awtomatiċi.
Dan l-investiment, li kien ukoll wegħda elettorali, jammonta għal aktar minn żewġ miljun ewro.
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli u d-Direttorat għall-Implimentazzjoni tal-Istrateġija u Politika fi ħdan id-Diviżjoni tal-Gvern Lokali.
Dawn il-latrini se jiġu mgħammra bl-aħħar teknoloġiji u se jitħaddmu b’sistemi ta’ enerġija ekoloġika.
Kull kunsill reġjonali, kemm f’Malta u anke f’Għawdex, jista’ jibbenefika minn fond sa massimu ta’ €360,000.
“Aħna nassistu u nikkollaboraw mal-Kunsilli Lokali tagħna, biex minn hemmhekk, niffaċilitaw u anke nimplimentaw l-iskemi, kif ukoll nikkordinaw aspetti ambjentali, fuq aspetti ta’ skart, kif ukoll kulturali u diversi oħrajn.”
Dawn il-latrini joffru aktar iġjene, sigurtà, indafa u aċċessibbiltà.
Id-Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni tal-Gvern Lokali, Natalino Attard qal kif il-kunsilli reġjonali se jassistu lil-lokalitajiet rispettivi biex jimplimentaw dan il-proġett.
“Ser inkunu wkoll qed insaħħu r-reġjuni, li se jkunu huma li qed jikkordinaw. Din l-iskema, għan-nom tal-kunsilli reġjonali fi ħdanhom, u allura, ukoll dawn is-servizzi li jingħataw nistgħu wkoll ikunu fil-prinċipju tal-economies of scale.”
Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll il-Presidenti, u s-Segretarji Eżekuttivi jew rappreżentanti tas-sitt Kunsilli Reġjonali.