Spazju li ma kienx jintuża, inbidel f’żona rikreattiva f’Santa Venera.
Dan grazzi għal proġett iffinanzjat mill-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, li ġie inawgurat mill-Ministru għall-Ippjanar, Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes.
Ix-xogħlijiet li saru kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ tagħmir tal-logħob modern u sigur, sistema ta’ sigurtà, sistema ġdida ta’ dawl, tagħmir għall-eżerċizzju fiżiku u tħawwil ta’ siġar. It-tagħmir li tpoġġa huwa aċċessibbli għal kulħadd.
Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, Martin Saliba qal li dan il-proġett qed isebbaħ iż-żona residenzjali f’din il-lokalità, magħrufa bħal tal-Palazz l-Aħmar u dan se jtejjeb il-kwalità tal-ħajja.
Il-Ministru għall-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li din il-lokalità bbenefikat minn madwar €300,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar biex isir dan il-proġett.
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li b’investiment ta’ madwar €75,000 mill-Awtorita tad-Djar, twettqu dawn ix-xogħlijiet fi spazju rikreattiv li issa jista’ jitgawda mill-familji u t-tfal.