Il-Gvern Malti u l-Kunsill Federali tal-Iżvizzera ffirmaw ftehim msejjaħ “Second Swiss Contribution” li se jħalli kontribuzzjoni ta’ €3.5 miljun lejn pajjiżna.
Dawn il-fondi għandhom l-għan biex inaqqsu d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali f’pajjiżna.
Dan sar waqt ż-żjara uffiċjali li kellu l-President tal-Konfederazzjoni Żvizzera Ignazio Cassis mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Ian Borg, u s-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett.
Matul il-laqgħa ġew diskussi l-aħħar preparamenti li għaddejjin miż-żewġ pajjiżi għall-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Magħquda minn Jannar li ġej u r-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u l-Iżvizzera.
Il-President tal-Konfederazzjoni Żvizzera sostna li ż-żewġ pajjiżi jaqsmu sħubija mill-qrib, li tmur lura fiż-żmien u għandha potenzjal kbir.
Qal ukoll li l-iffirmar tat-tieni kontribuzzjoni se javvanza rispons komprensiv għall-mard tal-qalb f’Malta.
Il-Ministru għall-Affarijet Barranin Ian Borg innota kif dawn il-fondi se jkomplu jsaħħu s-settur tas-saħħa pubblika.
“Il-ftehim iffirmat illum mal-Iżvizzera, anke fil-preżenza tal-Ministru għall-Affarjiet Barranin, li bħalissa huwa l-President tal-Konfederazzjoni Żvizzera, ifisser li bejn iż-żewġ pajjiżi se jerġa’ jkun hemm investiment importanti ta’ €3 miljuni u nofs, din id-darba se nkunu qed niffukaw fuq investiment fis-saħħa biex inkomplu nnaqqsu d-disparità u allura opportunità sabiex ikollna servizz mill-aqwa.”
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Chris Bonett qal li fost l-oħrajn, bil-kontribuzzjoni Żvizzera se jsir teatru ieħor fl-isptar Mater Dei fejn isiru l-operazzjonijiet tal-kardjoloġija.
“Permezz tagħhom se nkunu qegħdin nużawhom bħala Ministeru flimkien mal-Ministeru tas-Saħħa, biex isir xogħol fuq apparat kardjoloġu biex nkunu nistgħu nikkuraw iktar persuni li għandhom problemi fil-qalb.”