Id-Deputat Prim Ministru u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Chris Fearne, qal li l-gvern Laburista baqa’ dejjem viċin il-ħaddiem.
Il-Gvern għeleb l-isfida tal-pandemija u issa, waqt żminijiet ta’ sfidi internazzjonali, il-Gvern qed iżomm il-prezzijiet tal-enerġija stabbli.
Huwa osserva kif, bħalissa, pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja, il-pensjonijiet komplew jiżdiedu, u ma kien hemm ebda taxxa ġdida jew żieda fit-taxxi, hekk kif imħabbar fil-Budget għas-sena d-dieħla.
Chris Fearne sostna li qatt daqs illum ma ħassu kburi bil-Partit Laburista.
Id-Deputat Mexxej qal li, min-naħa l-oħra, il-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech sar irrelevanti minħabba l-firda li hemm fih.
B’kuntrast, il-Partit Laburista huwa magħqud, kemm fi żminijiet feliċi u anki fi żminijiet ta’ sfida. Huwa saħaq li l-Partit Laburista jibqa’ rebbieħ jekk ikun magħqud u wissa li din l-għaqda tkissirha l-arroganza. Sostna li l-Partit Laburista se jibqa’ magħqud u se jibqa’ viċin in-nies.
Chris Fearne irrimarka li r-rebħa elettorali għall-Partit Laburista f’Marzu li għadda kient grazzi għall-ħidma tad-delegati Laburista.
Huwa sellem il-memorja tal-eks Prim Ministru u Mexxej Laburista, Karmenu Mifsud Bonnici, u qal li l-partit jinsab daqshekk b’saħħtu anki b’riżultat tat-tmexxija u l-prinċipji tiegħu.