Sal-aħħar tas-sena se jkun tlesta x-xogħol ta’ restawr fuq is-Sur ta’ San Ġwann u l-Bieb Barokk li jifirdu l-Belt Cospicua mill-Fgura.
Dan ix-xogħol, li qed isir b’investiment ta’ nofs miljun ewro, huwa parti minn proġett ikbar ta’ konservazzjoni ta’ parti sostanzjali tal-Cottonera Lines.
Il-Perit inkarigata minn dan il-proġett, Ivana Farrugia, spjegat l-interventi li saru f’dan il-proġett.
“L-interventi tar-restawr kienu prinċipalment iddettati min-natura dgħajfa tal-ġebla, li probabbli l-ġebla nqatgħet mill-madwar, għaliex il-ħsara li sibna hawn hi ħsara li ssib f’ħafna bini storiku tal-Kottonera u tikkonsisti f’li l-wiċċ tal-ġebla jibda jfaqqa’ flieli flieli. Kieku kellna nibdlu kull ġebla li kienet tesebixxi din it-tip ta’ ħsara konna nispiċċaw b’sur ġdid. Allura, biex insibu bilanċ, anke għall-valur storiku, kien hemm xi wċuħ li rbatnihom lura ħalli, jekk ikollna indikazzjoni ta’ fejn kien il-wiċċ oriġinali, l-oħrajn neħħejnihom.”
Żiedet tgħid ukoll li, waqt li saru x-xogħlijiet, ġew innutati marki tal-balal sparati mill-Maltin u li jmorru lura għaż-żmien tal-iżbark tal-Franċiżi.
Wara ħsarat ikkawżati mill-maltempati tax-xitwa tas-sena l-oħra, ix-xogħol ġie estiż ukoll biex ikopri l-pjattaforma li tinsab fuq is-sur, u li hi s-saqaf tal-każamatti li jinsabu tul Triq San Ġwann t’Għuxa.
Waqt żjara lix-xogħlijiet, il-Ministru responsabbli mill-Wirt Nazzjonali, Owen Bonnici, qal li permezz ta’ din il-ħidma qed tiġi mwettqa wkoll wiegħda elettorali. M’aħniex se nieqfu milli nkomplu nibnu fuq l-impenn tagħna lejn il-wirt kulturali għaliex b’dan il-mod qed nissalvagwardjaw il-wirt patrimonjali ta’ pajjiżna.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, li kienet ukoll is-Sindku ta’ Bormla, faħħret dan ix-xogħol u l-investiment li qed jitwettaq biex il-wirt nazzjonali jibqa’ ppreservat.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Kottonera, Glenn Bedingfield, qal li l-istrateġija għall-Kottonera qed titwettaq u anki tilħaq il-lokalitajiet li jmissu mat-tliet ibliet.
“Irridu wkoll riġenerazzjoni tal-Kottonera għan-nies. B’hekk qed naraw kif diġà bdejna nistudjaw kif nistgħu nużaw aħjar dawn l-ispazji kbar illi għandna. Il-Kottonera għandna fost l-akbar spazji miftuħa li hawn f’Malta. Ħafna jkunu sorpriżi b’dan, però dan l-ispazju qiegħed hemm u issa rridu naraw kif nużawh aħjar għan-nies ħalli l-Kottonera ta’ għada tkun aħjar minn tal-lum.”
Preżenti għal din iż-żjara, kien hemm ukoll is-Sindku tal-Fgura, Pierre Dalli.