F’waħda minn sensiela ta’ żjarat lil negozji u postijiet tax-xogħol li komplew jinvestu, xhieda tal-fiduċja li għandhom f’pajjiżna, il-Prim Ministru Robert Abela żar il-Greens Supermarket fl-Imrieħel.
Waqt din iż-żjara, Dr Abela seta’ jara t-tkabbir u l-investiment fl-infrastruttura li sar mit-tmexxija tal-kumpanija, li finalment qed ifissru aktar opportunitajiet ta’ xogħol.
Sa Marzu tas-sena l-oħra, il-kumpanija kienet tħaddem 350 ħaddiem u l-investiment tagħha matul is-snin kien ilaħħaq it-€30 miljun. Illum din il-kumpanija tħaddem 600 ħaddiem u l-investiment totali f’makkinarju, riżorsi umani, u loġistika jmiss it-€38 miljun.
Waqt iż-żjara tiegħu, il-Prim Ministru ltaqa’ wkoll ma’ diversi familji li kienu qegħdin jagħmlu x-xirja tagħhom.
Il-Prim Ministru afferma mill-ġdid l-impenn tal-gvern li jkompli jgħin u jwieżen lill-familji Maltin u Għawdxin, b’mod partikolari fis-settur tal-enerġija, bil-għan li jibqa’ jagħti s-serħan il-moħħ quddiem sfidi internazzjonali bla preċedent.
Dawn huma deċiżjonijiet li mhux biss iwieżnu lill-konsumatur, iżda li jippermettu wkoll lil min iħaddem jippjana biex b’hekk ikun jista’ jibqa’ jinvesti u joħloq l-opportunitajiet.
Min-naħa tagħha, it-tmexxija tal-kumpanija spjegat kif il-ħaddiema tagħha jaħdmu f’ambjent trankwill u sigur, grazzi għall-investiment li sar matul is-snin f’makkinarju li kontinwament jiffaċilitalhom il-ħidma tagħhom. Ġie spjegat ukoll li sar investiment f’sistemi ta’ teknoloġija differenti.
Id-Direttur Maniġerjali, Joseph Sammut, irringrazzja lill-Prim Ministru tal-fiduċja li dejjem wera l-Gvern fis-settur privat. Huwa għamel referenza wkoll għal investiment ieħor tal-kumpanija, din id-darba fis-settur tal-ospitalità, bil-ftuħ ta’ ristorant ġdid bl-isem ta’ ‘Mondo’. Dan ukoll beda b’saħħtu, sinjal tal-fiduċja min-naħa tal-konsumatur.