Fl-Underground Valletta fil-jiem li ġejjin se jsir proġett awdjoviżiv bil-għan li jgħaqqad lin-nies li esperjenzaw l-istess sentimenti tul il-gwerra. Il-proġett jiffoka fuq tliet aspetti li spikkaw fil-ħajja tal-Maltin, u ta’ popli oħra fil-pajjiżi alleati, matul it-Tieni Gwerra Dinjija, jiġifieri l-kenn, il-ġuħ, u r-reżistenza.
Dan il-proġett huwa ffinanzjat mill-Fond għad-Diplomazija Kulturali fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u l-Kummerċ, u minn Heritage Malta.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej u l-Kummerċ, Ian Borg, flimkien mal-Kummissarju Għoli Brittanika għal Malta, Katherine Ward, u l-Ambaxxatur Franċiż għal Malta, Agnès von der Mühll, żaru l-Underground Valletta flimkien.
Waqt din iż-żjara, il-Ministru Owen Bonnici spjega kif din l-esperjenza tixhed id-determinazzjoni kontinwa biex nibqgħu nippreservaw il-wirt nazzjonali.
Il-Ministru Ian Borg saħaq dwar l-impenn tal-Ministeru li jkompli jassisti fil-promozzjoni tal-kultura u l-istorja ta’ pajjiżna barra minn xtutna b’kollaborazzjoni ma’ entitajiet kulturali Maltin bħalma hi Heritage Malta.
L-esperjenza immersiva se tkun inkluża fil-biljett tad-dħul għall-Underground Valletta sal-aħħar ta’ Novembru. Matul dan il-perjodu, l-Underground Valletta se jiftaħ kuljum, mit-Tnejn sal-Ħadd.
Il-biljetti jinxtraw mill-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija jew online mis-sit elettroniku tal-Heritage Malta.