Waqt id-diskussjoni fil-Parlament dwar l-estimi tal-Ministeru għall-Ippjanar u x-Xogħlijiet Pubbliċi, il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi tkellem dwar il-bidliet importanti li se jsiru fis-settur tal-kostruzzjoni.
Huwa saħaq dwar l-importanza tas-sostennibilità f’dan il-qasam, anki permezz tal-effiċjenza enerġetika tal-bini.
“Fiż-żmien illi ġej se nkunu qegħdin naraw bidliet importanti, bidliet importanti li jibdew, l-ewwel nett u fuq quddiem, bil-liċenzjar tal-kuntratturi. Il-liċenzja tal-kuntratturi se tkun bidla importanti ferm illi rridu nagħmlu biex nagħtu aktar kwalità fil-mod kif isir ix-xogħol. Irridu nagħtu garanzija, bħala Stat, bħala Gvern, illi min joffri s-servizzi f’dan il-qasam ikollu l-kompetenza meħtieġa biex jagħmel dak ix-xogħol.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi qal li, fil-ġimgħat li ġejjin, se jkun hemm żewġ konsultazzjonijiet pubbliċi dwar l-iskills card u anki l-dwar il-liċenzjar tal-kuntratturi.
Huwa qal li għaddejjin diskussjonijiet dwar il-Kodiċi tal-Bini, flimkien mal-partijiet ikkonċernati, fosthom il-Kamra tal-Periti.
“Illi dawn il-building codes joffru riga li jkejlu l-kwalità, illi inti għandek standard li huwa mistqarr minn entità pubblika, standard li huwa mistqarr li huwa mwaqqaf skont il-liġi ta’ kif għandu jsir ix-xogħol, illi inti taf li min qed jaħdimlek jilħaq dak l-istandard u qed isiru l-affarijiet kif suppost.”
Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal ukoll li l-Gvern, b’ġustizzja, qed jagħti l-warrant lill-istudenti tal-iniġinerija fl-Università u anki fl-MCAST.
Anki d-deputat Edward Zammit Lewis tkellem dwar il-Budget allokat għal dan il-Ministeru.
“F’dan ix-xenarju kollu, il-budget ta’ dan il-ministeru baqa’ l-istess, b’investiment iktar fejn jidħol il-Park Nazzjonali wkoll f’Ta’ Qali. Hemmhekk rajna żieda fl-investiment li sar mis-sena l-oħra ’l hawn.”
Id-deputat Rosianne Cutajar tkellmet dwar l-ippjanar u l-ambjent imwaħħdin f’ħaġa waħda.
“Nemmen illi l-ippjanar u l-ambjent iridu jimxu id f’id u, biex nimmitigaw il-problema tal-iskart fit-toroq, nemmen li l-Awtorità tal-Ippjanar trid torbot iżjed lill-iżviluppaturi illi jibnu ċerti blokok kbar ta’ appartamenti.”
Id-deputat Naomi Cachia tkellmet dwar aktar taħriġ rigward is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
“U għalhekk l-għarfien huwa għodda importanti oħra li għandna għad-dispoŻizzjoni tagħna u, fl-aħħar xhur b’mod speċjali, stajt ninnota preżenza aktar attiva ta’ dawn l-awtoritajiet anki fuq il-midja soċjali, illi tikkumplimenta ż-żieda tal-preżenza tagħhom on the ground.”