Fir-Residenza ta’ San Vinċenz de Paul tħabbar servizz ġdid ta’ kura tas-saqajn għall-pazjenti bid-dimensja kemm mir-residenza stess kif ukoll minn barra minnha.
Il-klinika tagħmel parti mill-isptar tal-kura ġerjatrika fil-kumpless Rużar Briffa. Din hija l-ewwel klinika tax-xorta tagħha f’pajjiżna, u timmira lejn l-anzjani b’mod ħolistiku u f’ambjent sigur.
Il-Ministru għall-Anzjanità Attiva, Jo Etienne Abela, tkellem dwar kif pazjenti bid-dimensja li jkollhom probemi f’saqajhom jistgħu jaffaċċjaw sfidi biex jesprimu ruħhom.
“Jekk persuna ta’ dan it-tip ikun ibati minn problemi taċ-ċirkolazzjoni, jew problemi tad-diabete, hemmhekk jaf jinqala’ trouble u jaf ikun trouble serju fis-saqajn, l-estremitajiet tas-saqajn. Klinika ta’ dan it-tip se tiffoka fuq dawn il-persuni li jbagħtu mid-dimensja biex kemm jista’ jkun nipprevjenu dawn il-problemi fis-saqajn.”
Din il-klinika, fil-fatt, fiha wkoll apparat biex ikunu jistgħu jiċċekkjaw iċ-ċirkolazzjoni tas-saqajn tal-pazjent.
“Se jiġu hawnhekk, se jsibu clinic fejn se jħossuhom forsi iktar komdi, m’hemmx dik il-ġenn, kollox se jsir b’mod kalm għalihom u, apparti minn hekk, aħna ġejna mħarrġa apposta biex inkunu nistgħu nittrattawhom aħjar peress li huma jkollhom daqxejn problemi biex jikkomunikaw magħna.”
Dan is-servizz huwa konformi mal-livelli mitlubin mill-Istrateġija Nazzjonali għad-Dimensja, li tenfasizza li għandhom jiġu pprovduti servizzi kemm għall-pazjenti kif ukoll għal dawk li jieħdu ħsiebhom.
Il-Kap Eżekuttiv tar-Residenza, Josianne Cutajar, qalet li din il-kura f’waqtha hi neċessarja biex l-individwu jibqa’ b’saħħtu u indipendenti.
Dan is-servizz, li se jibda’ jingħata fil-ġranet li ġejjin, hu mmirat għal dawk kollha li għandhom ’il fuq minn ħamsa u sittin sena, jgħixu fil-komunità, u għandhom il-kundizzjoni tad-dimensja.
Biex wieħed ikun eliġibbli għal dan is-servizz, hemm bżonn riferta mingħand tabib personali.