Il-Prim Ministru Robert Abela żar aktar kumpaniji li qed isaħħu l-investiment tagħhom f’Malta.
Huwa kellu laqgħat mat-tmexxija u l-ħaddiema ta’ kumpaniji minn setturi differenti u nnota kif ħidmiethom f’Malta hija wkoll xhieda tal-fiduċja li teżisti f’pajjiżna.
Mill-avjazzjoni, għall-gaming u l-investiment fil-proprjeta, fost oħrajn, Dr Abela żar dawn in-negozji fiċ-ċentru tan-negozji CF, f’San Ġiljan, li minnu mhux biss topera l-istess kumpanija iżda wkoll għadd ta’ kumpaniji oħra, fosthom uħud internazzjonali bi preżenza f’pajjiżna. Dan iċ-ċentru sar b’investiment ta’ €15-il miljun.
Dr Abela żar ukoll l-uffiċini tal-kumpanija ‘Pariplay’, li taħdem fis-settur tal-gaming; il-kumpanija ‘Hilbert’, li tispeċjalizza fi strateġiji għall-klijenti fis-suq diġitali; u l-‘Eurowings’, kumpanija fl-avjazzjoni li hija reġistrata f’Malta u li mistennija tkompli ssaħħaħ il-preżenza tagħha f’pajjiżna, inkluż b’żieda fil-ħaddiema.
Il-Prim Ministru Robert Abela nnota li dawn il-kumpaniji minn setturi differenti taħt saqaf wieħed huma xhieda tad-diversifikazzjoni fl-ekonomija Maltija, li baqgħet tissaħħaħ hekk kif it-tbassir għall-ġejjieni jibqa’ wieħed pożittiv u fost l-aqwa fl-Unjoni Ewropea.
Id-Direttur tas-CF, Clifton Cassar, qal li l-investiment f’dan iċ-ċentru tan-negozju huwa wieħed tal-ogħla livell u li huma kburin li qed jospitaw kumpaniji minn bosta osqma u li joffru servizzi tal-ogħla livell.