In-numri ta’ każijiet ta’ kolera fil-Haiti qed jisparaw ’il fuq, tant li l-każijiet ikkonfermati fl-aħħar sigħat qabżu s-seba’ mija, filwaqt li l-imwiet laħħqu l-160.
L-uffiċjali tas-saħħa qed jinvestigaw mas-sebat elef każ ieħor.
Il-Kap tal-Organizzazzjoni Pan-Amerikana tas-Saħħa, Carissa Etienne qalet li man-nofs miljun persuna jinsabu f’riskju li jimirdu bil-kolera.
In-Nazzjonijiet Uniti appellaw għal mija u ħamsin miljun dollaru Amerikan biex jgħinnu fil-kontroll ta’ din il-marda.
It-tifqigħa tal-kolera fil-Haiti bdiet fil-bidu t’Ottubru, meta ġew ikkonfermati żewġ każijiet f’Port-au-Prince. Qabilhom, kien ilu ma jiġi rrappurtat każ ta’ kolera għal madwar tliet snin.