L-Ambaxxatriċi tal-Montenegro, Milena Šofranac Ljubojević ippreżentat l-Ittri ta’ Kredenzjali tagħha lill-President Malti George Vella fil-Palazz ta’ Sant’Anton, Ħ’Attard.
F’laqgħa mal-Ambaxxatriċi tal-Montenegro, Šofranac Ljubojević, il-President Malti George Vella esprima l-interess ta’ tisħih tar-relazzjoni bejn pajjiżna u l-Montenegro, fl-oqsmaa kollha, fosthom dawk kummerċjali u turistiċi.
Il-President Vella tenna l-appoġġ li Malta ilha tagħti lill-prospettiva tal-Montenegro għal adeżjoni mal-UE.
Intant, il-President appella biex dawn jibqgħu jsaħħu r-riformi li daħħlu fis-seħħ.
Is-sejbiet ta’ rapport tal-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tkabbir, juru biċ-ċar li l-Montenegro qed jagħmel l-isforzi tiegħu sabiex jilħaq l-għanijiet tiegħu ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea.
L-Ambaxxatriċi spjegat ukoll l-impenji li qed iwettaq il-pajjiż biex jilħaq dawn l-għanijiet.
Hija wkoll uriet l-apprezzament ta’ pajjiżha għall-appoġġ ta’ Malta filwaqt li spjegat li l-pajjiż huwa konformi mal-pożizzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea dwar kwistjonijiet bħal gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja.
Hi rrimarkat ukoll l-impatt li din il-gwerra qed tħalli fuq is-setturi tal-investiment u t-turiżmu f’ pajjiżha.
Il-President u l-Ambaxxatriċi laqgħu s-Summit li jmiss bejn l-UE u l-Balkani tal-Punent. Dan se jiġi organizzat mill-Albanija f’Diċembru.