Ajruplan tal-linja nazzjonali tal-ajru, l-Air Malta, għamel inżul ta’ emerġenza fl-ajruport minħabba diffikultajiet tekniċi.
L-ajruplan kien qed jopera t-titjira KM514 lejn Vjenna fl-Awstrija u telaq minn Malta għall-ħabta tat-07:51.
L-ajruplan kellu jdur lura lejn Malta u għamel inżul ta’ emerġenza fl-ajruport fit-8:07 ħin lokali.
Il-passiġġieri tniżżlu minn fuq l-ajruplan b’mod sigur u sarilhom check up mediku.
Sorsi ta’ ONE News qalu li malli l-ajruplan telaq minn Malta, fil-kabina deher xi duħħan u bdiet tinxtamm riħa ta’ żejt.
Minħabba dan, il-bdoti ddikjaraw emerġenza u reġgħu daru lejn Malta fejn kien hemm diġà jistennew is-servizzi tal-emerġenza.
Fi stqarrija tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta ġie spjegat li l-operat fl-ajruport ma ġiex milqut minħabba dan il-każ, li dwaru qed issir investigazzjoni.
Min-naħa tagħha, l-Air Malta qalet li l-klijenti ġew ipprovduti b’akkomodazzjoni f’lukanda sakemm issir titjira oħra lejn Vjenna. L-istess sar għal dawk li kienu bbukkjati fuq it-titjira minn Vjenna lejn Malta.
L-Air Malta qalet li s-sigurtà u l-benesseri tal-klijenti u tal-ekwipaġġ tagħha huma l-ogħla prijorità tagħha.
Il-linja tal-ajru nazzjonali skużat ruħha għal dan it-tfixkil ikkawżat minn ċirkostanzi lil hinn mill-kontroll tagħha.