Joseph Tabone huwa ċ-champion ta’ Malta tal-Federazzjoni Boċċi hekk kif fil-finali tal-Kompetizzjoni tan-Knock Out 1×1 Individwali, li ntlagħbet l-erbgħa filgħaxija f’Haż Żebbuġ, għeleb lil Noel Axiaq 21-15. Finali li saret quddiem pubbliku numeruż u li laqqgħet kontra xuxlin tnejn mill-aqwa plejers tal-Boċċi. Plejers li din is-sena kienu pedina importanti għall-klabbs tagħhom: Joseph Tabone ma’ Msida u Noel Axiaq ma’ Għaxaq.
Qabel il-finali saret ċerimonja qasira fejn iż-żewġ plejers veterani Harold Galea u Michael Casha ħarġu bit-tazzi. Kien ġest sabiħ min naħa tal-Federazzjoni ma dawn iż-żewġ plejers veterani tal-Bocci, li rebħu kull unur li l-Federazzjoni torganizza.
Il-kompetizzjoni tan-Knock Out Individwali tintlagħab bi plejer kontra plejer fejn kull wieħed ikollu erba’ boċċi kbar u tlieta żgħar. Fil-bidu tal-logħba rajna liż-żewġ plejers li lagħbu fil-ġugati fit-tul. Noel Axiaq kellu bidu mill-aqwa fejn, sal-intervall kien min fuq 11 ma 7 favur Noel Axiaq.
X’ħin kompliet il-logħba Joseph Tabone beda dieħel fil-logħba biex ġab ir-riżultat 15 ma 15. Imma Joseph Tabone baqa’ jilgħab tajjeb sabiex ħareġ rebbieħ 21 ma 15.
Joseph Tabone wasal tliet darbiet fil-finali tal-kompetizzjoni tan-Knock Out Individwali u rebaħ dan l-unur darbtejn. L-ewwel darba kien mal-Birgu fis-Sena 2015.
Ta’ min isemmi dan il-plejer kellu staġun mill-aqwa mall-Klabb ta’ Msida li għadhom kif rebħu l-Kampjonat tal-1 Diviżjoni.
Din il-finali kienet ikkontrollata mir-Referee is-Sur Philip Sawyer u l-Assistent Referee kien is-Sur Marcel Schriha.
Il-Preżentazzjoni saret mill-President tal-Federazzjoni Klabbs tal-Boċċi s-Sur Clinton John Saliba, fost il-ferħ tal-partitarji numerużi misidjani.