Delegazzjoni magħmula minn mużiċisti Eġizzjani nieqsa mid-dawl se żżur Malta għal taħditiet mal-organizazzjoni volontarja Visual Non Visual Network Organisation. Dawn mistennija jikkoperaw u jiddiskutu l-inklużjoni ta’ persuni għomja fil-pajjiżi tal-Mediterran.
Id-delegazzjoni ffurmata minn dsatax-il persuna se tasal Malta għada, flimkien mal-assistenza tagħhom.
Fiż-żjara tagħhom, se jattendu wirja ta’ kollezzjoni ta’ arti minn persuni għomja li se ssir f’Casino Notabile, l-Mdina. Il-mużiċisti għomja Eġizzjani se jkunu qed jiltaqgħu wkoll mal-pubbliku ġenerali fil-Kottonera, l-Imdina u l-Belt Valletta.
Fost oħrajn, se jiddiskutu l-inklużjoni ta’ persuni għomja fl-iżvilupp soċjoekonomiku, l-isport u l-kultura, il-kalendarju annwali tat-turiżmu mhux viżiv, u l-inklużjoni diretta ta’ persuni għomja fin-negozju flimkien mal-irwol tal-intraprenditorija soċjali.