It-Tnejn li ġej fil-Parlament il-Gvern se jippreżenta l-ewwel qari t’abbożż ta’ liġi li se jassigura li t-tobba ikunu legalment koperti sabiex jagħmlu dak li hu meħtieġ biex dejjem tkun imħarsa saħħet l-omm f’każ ta’ kumplikazzjoni waqt it-tqala.
Dan tħabbar f’konferenza tal-aħbarijiet mill-binja tal-Parlament, indirizzata mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u mis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg
Permezz tal-introduzzjoni ta’ Artikolu ġdid 243B, se tkun iċċarata l-poiżizzjoni legali tat-tabib kuranti u tal-omm f’ċirkostanzi fejn it-tqala twassal sabiex l-omm tħabbat wiċċha ma’ kumplikazzjoni medika li tpoġġilha ħajjitha f’riskju jew saħħitha f’ periklu gravi.
Għalhekk se tiddaħħal eċċezzjoni fil-liġi li tiċċara li meta l-professjonisti mediċi jaqblu li tqala għandha tkun itterminata permezz t’intervent mediku, bil-għan li tkun protetta s-saħħa ta’ mara tqila, din it-terminazzjoni ma titqisx bħala reat taħt l-artikoli 241(2) jew 243 tal-istess kodiċi kriminali.
Id-Deputat Prim Ministru qal kif din l-emenda fil-kodiċi kriminali, hija favur il-ħajja u li se tagħti aktar faċilita lit-tobba ta’ pajjiżna sabiex jagħmlu xogħlhom mingħajr ebda konsegwenzi. Għaldaqstant, huwa qal li wara diskussjoni mat-tobba li jaħdmu f’ dan il-qasam, il-Gvern fassal din l-emenda sabiex ma jkun hemm l-ebda x’kiel fl-għoti tal-kura neċessarja lill-omm. Huwa sostna li l-għan tal-liġi u tal-etika medika hi li jkunu salvati l-ħajjiet, u għalhekk din il-liġi se tassigura proprju dan.
Il-Ministru għall-Ġustizzja qal kif dan il-Gvern se jara li jneħħi kull forma ta’ biża jew dubju fil-professjonisti mediċi ta’ pajjiżna milli jsalvaw il-ħajjiet.
Min-naħa tagħha s-Segretarju Parlamentari Buttigieg qalet li l-Gvern ma jibżax jindirizza realtajiet differenti u għalhekk se jwettaq din ir-riforma sabiex l-ebda mara f’pajjiżna li ssib kumplikazjzzjoni fit-tqala ma tkun f’periklu li tmut.