Il-Prim Ministru Robert Abela ressaq għad-diskussjoni mal-Kap tal-Oppożizzjoni l-ismijiet ta’ żewġ eks Imħallfin fil-Qrati Superjuri b’rabta mal-ħatriet ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika u ta’ Ombudsman.
It-tnejn li huma kienu nħatru mħallfin fi żmien amministrazzjonijiet immexxijin mill-Partit Nazzjonalista u għandhom reputazzjoni tajba ħafna. Wieħed minnhom saħansitra okkupa l-ogħla kariga fil-ġudikatura.
Il-Prim Ministru ħabbar dan waqt li kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti fi tmiem żjara li għamel lis-Summit SiGma. Huwa kummenta li d-difikultà hi li l-Kap tal-Oppożizzjoni mal-mejda tad-diskussjoni jagħti l-approvazzjoni tiegħu, iżda mbagħad jerġa’ lura minn kelmtu wara li dawk li verament qed imexxu l-Partit Nazzjonalista jqajmu diffikultà dwar id-deċiżjoni li tkun ittieħdet.
Il-Prim Ministru saħaq li l-Gvern żgur mhux se jkun qed jimponi l-għażla tiegħu. Mill-banda l-oħra, hemm Oppożizzjoni li qed tiddiżrispetta l-proċess demokratiku u li trid bilfors li tgħaddi tagħha fiż-żewġ karigi, minkejja li l-ismijiet li ressaq il-Gvern mhuma la kontroversjali u lanqas diffiċli.
Filwaqt li sostna li mhux aċċettabbli li dawn il-karigi jibqgħu battala, il-Prim Ministru temm jgħid li, f’każ li jippersisti nuqqas ta’ qbil bla raġuni valida fuq il-ħatra ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Gvern se jara li jidħol mekkaniżmu biex jiżblokka s-sitwazzjoni, għax fil-każ ta’ din il-kariga huwa permissibbli li jsir dan.
Ara x’qal il-Prim Ministru: