Fix-xhur li ġejjin, il-Gvern se jinvesti aktar minn mitejn u tmienja u għoxrin (€228) miljun ewro fil-qasam tal-anzjanità attiva.
Qal dan il-Ministru responsabbli minn dan il-qasam, Jo Etienne Abela, meta fil-Parlament kien qed jiġu diskussi l-estimi finanzjarji tal-Ministeru li jmexxi. Il-Ministru qal li din in-nefqa massiċċa hija apparti benefiċċji oħra li qed jingħataw, bħaż-żieda fil-pensjonijiet.
Jo Etienne Abela elenka bosta investimenti li diġà saru kif ukoll dawk li mistennija jsiru.
L-entità Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità qegħda toffri 26 servizz lill-anzjani fil-komunità u għall-2023 għandha vot ta’ miljuni ta’ ewro sabiex tgħolli l-livell tal-ħajja lill-anzjani tagħna.
“Fl-2012 l-ammont ivvutat f’dan ir-rigward kien ta’ ħamsin miljun. Għas-sena li ġejja, in-nefqa f’dan il-qasam se tkun ta’ mija u tmien miljuni – aktar mid-doppju. Fil-bilanċ hemm il-ħajja tal-anzjani u l-kwalità tal-ħajja tagħhom.”
Żdied ukoll il-finanzjament tal-iskemi tal-Carer at Home u tal-Home Helper of You Choice.
F’din id-diskussjoni tkellem ukoll id-deputat tal-Gvern Michael Farrugia, li nnota kif għal San Vinċenz de Paul, li llum jilqa’ elf u ħames mitt resident, ġiet ivvutata nefqa ta’ mija u għaxar miljuni.
“Irnexxilna nibdlu SVDP minn residenza għal post ta’ eċċellenza. Mhux talli sena ilu ftaħna Day Unit ġdid u ħafna servizzi oħra, talli dawn bdejna niftħuhom ukoll għall-anzjani fil-komunità.”
Fil-Parlament issemma wkoll kif se jiżdiedu ċentri tal-Università tat-tielet u r-raba’ età.
Fil-fatt, id-deputat Ray Abela semma l-importanza sabiex l-anzjani tagħna jibqgħu jieħdu l-edukazzjoni u jsaħħu l-ħiliet fid-dinja tat-teknoloġija.
“Kemm huwa importanti li nkomplu ninvestu bħala Gvern fi programmi ta’ taħriġ u informazzjoni biex l-anzjani jżidu l-ħiliet tagħhom fl-użu ta’ servizzi tal-Gvern li qegħdin online, u anke l-banek għandhom jinvestu aktar f’dan is-sens.”
Id-deputat Katya De Giovanni nnutat l-investiment li qed isir sabiex l-anzjani jibqgħu attivi fil-komunità.
“[il-Gvern] ried bis-sħiħ li dawn il-persuni akbar fl-età, li tant ikkontribixxew fis-soċjetà, jibqgħu jikkontribwixxu, jibqgħu attivi, u jibqgħu bis-sħiħ fil-komunitajiet tagħna u fis-soċjetà.”
Id-Deputat Romilda Baldacchino Zarb għamlet referenza għaIl-kampanja ‘Say No To Stroke’, li permezz tagħha l-anzjani fil-komunità setgħu jagħmlu testijiet mediċi bla ħlas, fosthom ittestjar tal-ECG, taz-zokkor, u tal-pressjoni.
“Kampanja li se taħdem għax hija kundizzjoni serja ħafna li hija kawża ewlenija li twassal għal diżabilità fuq persuni ta’ 60 sena jew aktar u, sfortunatament, hija responsabbli għall-mewt ta’ wieħed minn kull 4 li jkollhom puplesija.”
Id-dimensja ngħatat prijorità wkoll minn dan il-Gvern, bid-deputat Malcolm Paul Agius Galea jitkellem fuq kif, meta wieħed jistimula moħħ persuna b’dimensja, ikun qed tagħtiha benefiċċju kbir.
“Fejn tfal żgħar jitħalltu ma’ anzjani fi djar tal-anzjani u jiġu viċin xulxin – għax hemm studji fejn persuna anzjana b’dimensja għadek ma tafx kemm huwa importanti li tistimulalha moħħha permezz ta’ tfal żgħar; kunċett mhux faċli imma sabiħ immens.”
Intant, il-Ministru Joe Etienne Abela ħabbar ukoll li l-Kabinett iddiskuta l-Politika Strateġika Nazzjonali ġdida għall-Anzjanità Attiva 2023 – 2030, li se titpoġġa għad-diskussjoni pubblika fil-ġimgħat li ġejjin.