Illum il-ġurnata hemm min jagħżel li minflok jixtri minn ħwienet konvenzjonali, jixtri affarijiet li jkunu wżati, minn fuq l-internet. Il-prezz aktarx ikun irħas, imma xi kultant issib sorpriża jew tnejn.
Klijenta partikolari ġratilha waħda stramba, hekk kif minflok irċeviet dak li kellha tirċievi, ċioe par jeans ta’ ditta partikolari, ireċeviet basket mimli basal żgħir.
Din il-klijenta mir-Renju Unit użat pjattaforma virtwali popolari apposta għal dawn it-tip ta’ tranżazzjonijiet, biex xtrat dan il-par jeans. Qatt ma basret li se tmur viral fuq l-internet, wara li ppubblikat ritratt tal-basket bil-basal li rċeviet. Il-klijenta bgħatet lill-persuna li suppost kellha tibgħatilha l-jeans, u din ħalfet li mhux basket basal bgħatet, iżda l-prodott li xtaqet il-klijenta.
Minkejja li ħadd ma jista’ jifhem kif il-basal tħallat mal-jeans, hemm suspett li x’imkien, xi ħadd irċieva par jeans minflok l-ingredjent li kien bi ħsiebu jqatta’ u jżid mal-ikla tal-jum.