Raġel ta’ 28 sena mill-Gambja li nstab li kien qed jgħix Malta illegalment, spiċċa l-Qorti talli kien aggressiv waqt li kien fil-kustodja tal-Pulizija.
Bakary Fatty kien qed jinżamm fil-lock-up tal-Furjana aktar kmieni dan ix-xahar wara li l-awtoritajiet responsabbli mill-immigrazzjoni f’pajjiżna, sabu li l-akkużat mhux suppost kien qed jgħix Malta.
Meta kien arrestat fis-sigħat bikrin tal-ħamsa ta’ Novembru, l-uffiċjali marru jaraw li kollox sew u rawh mitluf minn sensih.
Malli daħlu fiċ-ċella tiegħu, ir-raġel qabeż fuqhom u aġixxa b’mod aggressiv, tant li l-Pulizija kellhom jużaw taser gun biex jikkontrollawh.
Wara dan l-episodju, ir-raġel ittieħed l-Isptar Monte Carmeli fejn inżamm taħt osservazzjoni u ħareġ ilbieraħ.
Il-Pulizija reġgħet arrestat lir-raġel illum u akkużatu li hedded u insulta lill-uffiċjali, li rreżistihom u li kkawżalhom ġrieħi ħfief.
Huwa ġie akkużat ukoll li rrifjuta milli jobdi ordnijiet leġittimi, u li għamel ħsara fuq l-uniformijiet u t-taser gun tal-Pulizija.
Ir-raġel wieġeb mhux ħati u l-Qorti ma laqgħetx it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba n-natura tal-akkużi.